L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Ġesù qiegħed fi vjaġġ u jgħaddi minn belt li mhix belt ħabiba, belt tas-Samaritani jisimha Sikar. Ġwanni l-evanġelista jippreżentalna lil Ġesù fil-bidu ta’ dan l-Evanġelju sabiħ li għadna kemm smajna u li aħna nafuh bħala l-Evanġelju tas-Samaritana.

Niltaqgħu ma’ Ġesù fil-bidu ta’ dan ir-rakkont bħala bniedem bħalna li jaf x’inhi l-għejja, jaf x’inhu l-għatx u li jitlob lil din il-mara biex tagħtih x’jixrob. Ġesù, għajjien kif kien miexi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. Ġiet mara minn Samarija timla l-ilma u qalilha: “Agħtini nixrob” (Ġw 4:7). L-Evanġelista San Ġwann li huwa ħafna attent mhux biss għall-ġurnata imma anke għall-ħin, jgħidilna li kien madwar is-sitt siegħa, li fil-kalkolu Ruman ta’ dak iż-żmien kien nofsinhar. ‘Għandi l-għatx’ u ‘qegħdin fis-sitt siegħa’. Dawn iż-żewġ dettalji fil-bidu tar-rakkont ifakkruna wkoll fir-rakkont tal-Ġimgħa l-Kbira meta San Ġwann jgħidilna li Ġesù sallbuh fis-sitt siegħa f’nofsinhar u li minn fuq is-salib ukoll qal: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28).

Dan il-bniedem li se jiltaqa’ mas-samaritana u qiegħed jiltaqa’ magħha ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, huwa bniedem imma wkoll huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. U meta tgħidlu: “Kif ikun dan li hi, li hija Samaritana, tagħti lil raġel Lhudi x’jixrob (ara Ġw 4:9), Ġesù stess jibda jkellimha dwar dak li hu jista’ joffri lilha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek ‘agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu u hu kien jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4:10).

Fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom jiena nixtieq nistieden lilna l-Maltin u l-Għawdxin biex nifhmu dan il-kliem għażiż ta’ Ġesù: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla”. Ejjew niftakru ftit l-istess Evanġelista San Ġwann x’jifhem meta jgħid ‘id-don ta’ Alla’. Ġesù stess fl-aħħar ċena, ewl il-lejl qabel ma bata, lid-dixxipli tiegħu iwegħedhom id-don tal-Ispirtu s-Santu. Id-don ta’ Alla huwa d-don tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. U b’dak li qed jgħidilha ‘agħtini nixrob’ għandu x’joffrilha dan id-don kbir.

Fil-fatt l-Ispirtu s-Santu li qiegħed iwiegħed Ġesù u li hu jagħtina b’xejn bħala l-ikbar barka u l-ikbar faraġ, mhuwiex biss in-nar imma huwa wkoll l-ilma. Immaġini sabiħa tal-Ispirtu s-Santu li tirrikorri ħafna drabi f’dan l-Evanġelju ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, hija li d-don ta’ Alla huwa ilma ħaj. U d-dixxiplu ta’ Ġesù li jilqa’ dan id-don mingħandu, hu stess isir għajn ta’ dan l-ilma.

Aħna qegħdin niċċaħħdu minn ħafna affarijiet għeżież għalina: il-kuntatti ravviċinati ma’ xulxin, il-fatt li kull nhar ta’ Ħadd niltaqgħu fil-knejjes tagħna, anzi kuljum, il-fatt li meta jiġi nieqes xi ħadd minna nkunu nistgħu nsellmulu fil-knisja, il-fatt li min irid ibierek l-imħabba tiegħu quddiem Alla jiġi fil-knisja għall-barka tiegħu. Qed niċċaħħdu f’dawn il-jiem minħabba esiġenzi tas-saħħa, minn tant affarijiet għeżież.

Huwa l-mument li forsi nifhmu dak li jgħidilha Ġesù meta jgħidilha: ‘Alla jixtieq li aħna nadurawh fl-ispirtu u fil-verità għax is-Samaritana, ħin minnhom, issemmilu t-tempju li kellhom huma fuq l-għolja ta’ Samarija, u tgħidlu: “Imma intom taduraw lil Alla f’Ġerusalemm” (Ġw 4:20), Ġesù jgħidlha: “Jiġi żmien tiġi s-siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità għax il-Missier ukoll nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità” (Ġw 4:23).

Fis-soċjetà tagħna aħna u nfittxu l-progress min jaf kemm ħaffirna bjar li jżommu l-ilma. Il-Mulej qiegħed joffrilna ilma li meta nixorbu minnu, ma jagħtiniex iżjed għatx.

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin tant aħna marbutin mat-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna, mar-ritwali tagħna, mal-purċissjonijiet li nagħmlu, mal-festi! Il-Mulej qed iċaħħadna minnhom, jew ħa ngħidu ċ-ċirkostanzi biex ma nwaħħlux dejjem f’Alla l-imbierek, imma neħduha din bħala stedina mingħandu biex nadurawh “fl-ispirtu u fil-verità”.

Anke meta naslu għall-mument tat-tqarbin illum, il-kummentatur se jistedinkom, dawk li qegħdin issegwuna, biex nagħmlu t-tqarbina spiritwali għax Alla jinqeda bir-ritwal u s-sagramenti imma mhux marbut bihom. Inutli jiena nħaffer l-għatba tal-knisja imma fil-qalb tiegħi m’iniex nadura lil Alla “fl-ispirtu u fil-verità”. Din is-sawma kbira, sawma kbira tassew li l-Knisja f’Malta imma madwar id-dinja inkluż fil-Vatikan, fl-Italja tant qrib tagħna, fi Spanja biex insemmu kulturi kattoliċi qrib tagħna, kulħadd qed isum mir-ritwali li ħafna drabi jressquna lejn Ġesù imma jistgħu jkunu idoli tagħna. Waqt li niċċaħħdu minnhom ma nitilfux il-fidi jew nitfixklu imma nilqgħu din l-istedina tal-Mulej. Il-Missier nies bħal dawn ifittex: li jadurawh fl-ispirtu u fil-verità.

Fis-soċjetà tagħna aħna u nfittxu l-progress min jaf kemm ħaffirna bjar li jżommu l-ilma. Il-Mulej qiegħed joffrilna ilma li meta nixorbu minnu, ma jagħtiniex iżjed għatx. L-ilma li toffrilna d-dinja mhux kapaċi jissodisfa l-qalb u r-ruħ tagħna. Illum il-Mulej għatxan li jagħtina dan id-don. Qed jgħidilna: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qed jgħidlek ‘agħtini nixrob’, kienu int kont titolbu u hu kien jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4:10).

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 17, 3-7
Salm: 94 (95), 1-2.6-7.8-9
Qari II: Rum 5, 1-2.5-8
Evanġelju: Ġw 4, 5-42