L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kif tidħol f’dan it-tempju għażiż, u tħares ‘il fuq, tara pittura sabiħa tal-Palumbi, tal-1902, li din is-sena ġiet ukoll riprodotta fil-qoxra tal-programm tal-festa ta’ din is-sena. U li fiha l-artist bravu jżejjen lil din il-Knisja bl-arti tiegħu, jippreżentalna x-xena ta’ Pawlu, l-Appostlu Missierna, li jippreżenta lil Malta, lilna, lil Ġesù. Malta, imlibbsa bl-oħla dija, biex nissellef il-kliem sabiħ tal-poeta nazzjonali Dun Karm, miktub għoxrin sena wara, fl-1922 – ‘Bl-oħla dawl libbist’.
Aħna qed nagħmlu din il-festa llum, biex infakkru lilna nnfusna. Din il-libsa sabiħa li l-Mulej libbisna permezz tal-Appostlu Missierna. ‘Bl-oħla dawl’ – bid-dawl l-iżjed ħelu, l-iktar ħelu, bid-dawl tal-Evanġelju. Fit-tieni strofa tal-Innu Malti, Dun Karm jagħżel ħames barkiet, ħames doni, li aħna għażilna l-isqfijiet, f’din is-sena partikolari li fiha qed niċċelebraw 60 sena bħala stat sovran, u 50 sena bħala repubblika. Qegħdin noffru lill-komunità bħala spunt ta’ riflessjoni l-ħames barkiet li Dun Karm isemmi fit-tieni strofa tal-Innu Malti, u li nafuhom: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Intom forsi smajtu l-kelma tagħna l-isqfijiet, il-Ħadd li għadda, m’iniex se nirrepetti dak li għidna. Ir-riflessjoni tiegħi llum nixtieq nislitha mit-tagħlim tal-Appostlu Missierna. Staqsejt lili nnifsi: l-Appostlu Missierna x’għallem dwar dawn il-ħames doni?
Nibdew bid-dehen. Għall-Appostlu Missierna, fil-kitbiet tiegħu – kif tafu l-kitbiet tal-Appostlu Missierna nsibuhom f’diversi ittri li fihom kiteb il-komunitajiet tagħna, l-Insara. Lilna ma kitbilniex, imma kien magħna tliet xhur, u xi ħaġa qalilna żgur. Għalih id-dehen, l-ewwel nett hu i-don li tifhem. U lil Timotju, dixxiplu żagħżugħ tiegħu jgħidlu, fit-tieni ittra li kitiblu: “Ifhem x’qiegħed ngħidlek; il-Mulej jagħtik li tifhem kollox” (2 Tim 2:7). Il-fehma bħala don tal-Mulej. Għal San Pawl il-fehma, id-dehen, hu wkoll l-għerf ta’ Alla, li hu għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi. Issa mgħarraf permezz tal-Knisja, lill-prinċipijiet u lis-setgħat. Din hi l-missjoni tal-Knisja, li tgħarraf l-għerf ta’ Alla lill-prinċipijiet u lis-setgħat. Imma jgħid ukoll, li hu ma użax il-kliem tal-għerf tad-dinja fil-predikazzjoni tiegħu: “mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu” (1 Kor 1:17).
Għal San Pawl, id-dehen hu wkoll, dak li nistgħu nsejħulu d-don tad-dixxerniment. U jgħid, li fil-komunità jkun hemm min jingħata d-don tal-għażla tal-ispirti. Din il-ħaġa hemm bżonn li nitolbuha l-aħwa, id-dehen li nagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għaliex hemm l-għerf tad-dinja, li San Pawl isejjaħlu bluha u frugħa. “Kollox hu safi għal min hu safi; imma għal dawk li huma mħassrin u li ma jemmnux, xejn mhu safi; sa moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mħassra” (Tit 1:15), jgħid f’ittra lid-dixxiplu tiegħu Titu. Aħna u nitolbu d-don tad-dehen, nitolbu s-safa tal-ħarsa tagħna. Li l-kuxjenza tagħna tkun fil-paċi magħha nnifisha. U jgħidilna: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12:2). Bid-don tad-dehen jiena jkolli d-dawl biex nagħraf il-Mulej xi jrid minni. U lil Korintin jgħidilhom bil-ħniena, kitbilhom żewġ ittri għax kienu jinkwetawh ħafna. U fl-ewwel waħda qalilhom: “Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda” (1 Kor 1:10).
L-esperjenza tagħna se tkun esperjenza fejn aħna se niskopru kontinwament il-ħniena ta’ Alla.
San Pawl, kien wieħed li jirrikonoxxi l-kariżmi, imma kien ukoll japprezza l-intelliġenza umana. Nitlob bl-ispirtu; imma nitlob b’moħħi wkoll” (1 Kor 14:15). Kemm togħġobni din l-espressjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Li tkun bniedem ta’ fidi ma tfissirx li tkun baħnan, il-fidi ma tkissirlekx l-intelliġenza tiegħek, imma sseddaqha, tirfinha. Nitlob bl-ispirtu; imma nitlob b’moħħi wkoll (1 Kor 14:15). “Inkanta s-salmi bl-ispirtu” jgħid fl-ittra lil Korintin ukoll “imma nkanta b’moħħi wkoll” (1 Kor14:15).
It-tieni don li Dun Karm jitlob fuqna, u li b’xi mod hu l-ħjata tal-libsa, li hi l-għażiża Malta tagħna hi l-ħniena. San Pawl hu dak li jirrappreżenta lilu nnifsu, bħala dak li “għal-ħniena tal-Mulej”, jgħid fil-Korintin, “huwa bniedem ta’ fiduċja” (1 Kor 7:25). Kienet il-ħniena tal-Mulej, li għal San Pawl għamlu min kien, id-dixxipli li aħna ltqajna miegħu. Imma allura, jifhem li l-esperjenza tagħna se tkun esperjenza fejn aħna se niskopru kontinwament il-ħniena ta’ Alla. “Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu” (Rum 11:30). Mhux din il-festa li aħna qegħdin nagħmlu. Li mal-laqgħa ta’ Pawlu, aħna ltqajna ma’ Ġesù, u sibna l-ħniena ta’ Alla. Imma din il-ħniena li tlaqqgħana ma’ Alla, “għani fil-ħniena tiegħu” (Ef 2:4), kif jgħid fl-ittra tiegħu lil Efesin. Hi wkoll il-qalb tal-opri tal-ħniena. “Min id-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ” (Rum 12:8). Is-sliem u l-ħniena fuqkom.
Imma l-ħniena f’Pawlu nsibuha wkoll fit-tenerezza tiegħu. Isimgħu x’jgħid lill-Filipin: “Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù!” (Fil 1:8) Aħna mhux ta’ b’xejn ngħidulu l-Appostlu Missierna, għaliex it-tenerezza tiegħu li aħna rajna fit-tliet xhur li qagħad fostna, takkumpanjana matul is-sekli, fix-xirka tal-qaddisin. U jagħmlilna eżortazzjoni dwar il-ħniena, li ta’ min nisimgħuha: “Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12). “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu” (Ef 4:32). “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla” (Rum 12:1). San Pawl, meta jitlobbna xi ħaġa, jitlobhielna għal ħniena ta’ Alla. U jbierek lil Alla, “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3). “Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda” (Fil 2:1). “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena” (Kol 3:12).
It-tielet don hu saħħa. Pawlu ġie fostna bniedem dgħajjef. Smajna l-qari epiku tal-Atti tal-Appostli kap 27-28. Hu vjaġġ epiku, li fih Pawlu mhuwiex biss priġunier, imma jasal fostna nawfragu; jasal fostna proprju wara li l-ġifen li kien fuqu ma 275 oħra jiġġarraf, jinkalja, jitkisser. Jiġi fostna dgħajjef, imma jiġi mimli bil-qawwa ta’ Alla. In-nies jindunaw min kien, forsi jesaġeraw xi ftit, u jgħidu: “dan xi Alla” (Atti 28:6), meta lifgħa ma għamliltlu xejn; u l-ikonografija, ibda mill-istatwa sabiħa ta’ Gafà, turina idu ħielsa mil-lifgħa, ħielsa mill-gidma tal-ħażen bil-qawwa ta’ Alla, bil-qawwa ta’ Ġesù.
Għall-Appostlu Missierna ir-raba’ barka tal-għaqda hi li inti tkun qalb waħda.
Ġie dgħajjef fostna biex fih tidher il-qawwa ta’ Alla u ġie fostna, mhux bil-kliem, imma qabel xejn bil-fejqan. Fejjaq lil missier Publiju l-prinċep tal-gżira, u fejjaq il-morda l-oħra tal-gżira. Beda mill-papà tal-kap, u meta semgħu li hemm xi ħadd kapaċi jfejjaq f’isem dan xi ħadd Ġesù, marru lejh. L-Atti tal-Appostli jgħidilna li “l-morda kollha tal-gżira, marru għandu, u hu fejjaqhom” (Atti 28:9). Inħobb nirrepetiha din, nimmaġinaw il-ferħ li daħal fid-djar tal-Maltin, u naħseb li xi ħadd minn Għawdex qasam ukoll, biex jiltaqgħu ma’ dan ir-raġel li qed ifejjaq f’isem Ġesù. Immaġinaw il-ferħ li daħal f’dawk il-familji, fejn il-mard ġie trasformat fil-barka tas-saħħa.
Imma Ġesù jagħti lil Pawlu saħħa straordinarja li hi l-qawwa ta’ Alla, il-qawwa spiritwali. U jagħtina allura d-don, kif jgħid l-Appostlu Missierna, “tagħrfu x’inhu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skont il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu, li ħaddem fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet” (Ef 1:19-20). “Mill-bqija”, jgħidilna, “twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu” (Ef 6:10). L-aħwa, aħna u nitolbu s-saħħa, mhux biss għall-ħaddiema, għall-poplu ta’ Alla, ejjew nitolbu d-don tal-fejqan. Nitolbu l-interċessjoni ta’ Pawlu, biex ifejjaq il-feriti tagħna: il-korla tagħna, ir-rabja ta’ bejnietna, il-firdiet tagħna; ifejjaq id-dipendenzi tagħna, dawk li aħna ngħidulhom addictions illum, huma x’inhuma. Ifejjaq kull fejn hemm bżonn il-fejqan. Is-saħħa tal-pajjiż hi don, imma rridu wkoll nirrikonoxxu, li l-Mulej jinqeda bil-ħila tal-bnedmin, bl-għaqal ta’ min imexxi, biex is-saħħa ma tkunx biss ħolma, imma sseħħ u ssir realtà.
Fl-Innu Malti, Dun Karm ma jitlobx biss lil Alla biex jagħti d-dehen, il-ħniena, u s-saħħa; imma fl-aħħar vers lil Alla jgħidlu: ‘Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem’. Għall-Appostlu Missierna ir-raba’ barka tal-għaqda hi li inti tkun qalb waħda. Kien bniedem li tgħallem jaħdem mal-oħrajn. Waħda mill-espressjonijiet sbieħ li kien juża meta kien jitkellem fuq il-kollaboraturi tiegħu, kien isejħilhom ‘sieħbi’, ‘ħaddiem miegħi’. It-tislima sabiħa ta’ Pawlu, li ħafna drabi aħna s-saċerdoti nibdew il-quddiesa biha hi din u nafuha. Lil Korintin: “il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Kor 13:13).
Imma li inti tgħix l-għaqda jfisser ukoll li inti tkun tista’ taqsam dak kollu li hu tiegħek, dak li hemm fil-qalb tiegħek mal-oħrajn. Din hi xi ħaġa li Pawlu mhux biss kien jagħmilha, imma kien iħeġġeġ lill-oħrajn. Kien jorganizza wkoll fundraising għall-knejjes fqar; u kien juri l-gratitudni tiegħu għal dak kollu li anke komunitajiet fqar setgħu jagħtu għall-komunitajiet ifqar minnhom. Lil Timotju jagħtih dan il-parir, jgħidlu: “għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnu b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu mal-oħrajn” (1 Tim 6:18).
L-aħħar barka hi l-barka tas-sliem. Ippermettuli din il-barka, nitlobha mhux biss fuq Malta u Għawdex tagħna, imma fuq id-dinja, il-barka tal-paċi. Il-providenza riedet li qed niċċelebraw din il-festa tant għażiża għalina, fit-tieni anniversarju tal-invażjoni krudila tar-Russja fl-Ukrajna, sentejn bħal-llum, fl-24 ta’ Frar 2022. Allura bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, aħna nitolbu, għalkemm dagħjfin, bħalma kien hu, imma b’fiduċja kbira fil-qawwa ta’ Alla nitolbu għall-paċi. X’jista’ jkun li jwaqqaf l-umanità mill-qerda kiefra ta’ xulxin, mill-vittmi innoċenti tal-kefrija tal-umanità? Ma nistax ninsa lill-Palestina, lil Iżrael, lill-Art Imqaddsa; imbierka wkoll mhux biss bil-passi ta’ Ġesù, imma bil-preżenza ta’ Pawlu. Wara kollox Pawlu bħala ġuvni, tgħallem f’riġlejn Gamaliel f’Ġerusalemm. Terraq it-toroq tas-Sirja, tat-Turkija, minn fejn twieled. Hu wild il-Lvant Nofsani. Minn hemmhekk ġie l-Appostlu Missierna. Imma nitolbu wkoll għall-paċi f’tant ambjenti oħra fid-dinja.
Pawlu ġabilna l-Aħbar it-Tajba tas-sliem. Lil Efesin jgħidilhom: “xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem” (Ef 6:15). Lil Alla jsejjaħlu Alla tas-sliem. Lil Korintin jgħidilhom: għax Alla mhux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem (1 Kor 14:33), Alla tal-paċi. San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepetiha ħafna din speċjalment lil min kien ikun inkwetat ħafna: Alla tagħna hu Alla tal-paċi. Kien qed jikkwota lill-Appostlu Missierna San Pawl. “Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla” (Kol 3:15). “Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu” (Ef 2:14). Kemm hemm ħitan fid-dinja, ħitan fiżiċi, ħitan psikoloġiċi, ħitan morali, ħitan tal-preġudizzju, ħitan tal-esklużjoni. “Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna” (Ef 2:14). Din il-ħaġa nitolbuhielu lill-Mulej bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna.
X’jista’ jkun li jwaqqaf l-umanità mill-qerda kiefra ta’ xulxin, mill-vittmi innoċenti tal-kefrija tal-umanità?
U meta jħares lejn Ġesù msallab, jifhem li fuq il-Kurċifiss, Ġesù ta’ Nazaret ikisser il-ħitan li jifirduna. “Is-Saltna ta’ Alla mhijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu” (Rum 14:17). L-eżortazzjoni tiegħu hi eżortazzjoni li għandha tibqa’ magħna, jekk jista’ jkun, għax mhux dejjem hu possibbli. “Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd” (Rum 12:18), hekk jikteb lir-Rumani. “Mill-bqija, ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom” (2 Kor 13:11).
F’dan il-jum li f’xatt il-baħar
Pawlu farfar għal ġon-nar
lifgħa kiefra li b’gidmietha
riedet toqtol ’il Ħabbar.
Dlonk niftakru fl-Oħla Dija
li b’tant ħlewwa int sawwabt
fuq dil-ġżira, Ommna mbierka,
waqt li l-morda int sabbart.
Dehen il-prinċep ta’ dil-ġemgħa
Int kattart bid-don tal-Ħniena!
Saħħaħ dejjem l-id għajjiena,
kattar ġensna b’barka emiena!
Seddaq fostna il-Għaqda mas-Sliem
rodd ix-xenqa għall-glorja bla tmiem.
Viva San Pawl!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta