L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta. Kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf” (Atti 27:21). Dan huwa l-kliem li jgħid Pawlu lin-nies fuq il-ġifen, kif smajna fl-Atti tal-Appostli. Fil-fatt hekk kien għamel ftit qabel din is-silta, kien wissa b’mod ċar. Kien qalilhom: “Qiegħed nara li s-safra se tkun ta’ ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll” (Atti 27:10).

Hu proprju dan il-kliem ta’ Pawlu li jgħinna biex nifhmu l-qalba tal-festa li qed niċċelebraw illum: il-kobor tal-providenza ta’ Alla. Dan għaliex kieku semgħu minnu, ma kinux jitilqu minn hemm; u kieku ma telqux minn hemm dak inhar, hawnhekk ma kinux jaslu. 

Ħadd ma ppjana li jiġi hawn

Ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen ma kellu xi ħsieb li jiġu hawn. La min ippjana l-vjaġġ, la min kien qed imexxi l-ġifen, u ħadd minn dawk il-276 persuna li kienu fuq il-ġifen. Anzi, jidher li ħafna lanqas kienu semgħu b’Malta, għax fil-fatt l-Atti tal-Appostli, meta jirrakkonta kif waslu fi gżira, jgħid: “Sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” (Atti 28:1).

Kienet il-providenza ta’ Alla, li mid-deni joħroġ il-ġid u minn deni kbir joħroġ l-akbar ġid, li bis-saħħa tagħha Pawlu ġie Malta. Għalhekk meta Pawlu jitkellem fuq id-dehra li kellu u jsemmi kliem l-anġlu li qallu “Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek isalvaw (Atti 27:24) – meta huma kienu qatgħu qalbhom li se jsalvaw – iżid dik il-kelma hekk qawwija: “Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27:26). Nafu mid-deskrizzjoni li smajna fl-Atti tal-Appostli kemm kienet tempesta kbira, li ħalliet dannu kbir, u spiċċat f’nawfraġju. Kollox intilef, bil-mod il-mod kollox spiċċa sa ma l-ġifen inkalja, imma n-nies kollha kemm huma salvaw. Bis-saħħa ta’ hekk, wasal Pawlu fostna, u bis-saħħa tiegħu aħna ħaddanna l-fidi Nisranija.

Gratitudni kbira għall-imgħoddi

Għalhekk aħna llum niċċelebraw din il-festa kbira bi gratitudni kbira lejn Alla, qabel kollox. Nirringrazzjawh għax bis-saħħa tiegħu li Pawlu ġie Malta fl-ewwel żminijiet tal-Knisja u wasslilna l-fidi. Kull sena, kull darba li nagħmlu din il-festa, hi okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla b’qalb grata għall-providenza tiegħu.

Nirringrazzjawh ta’ Pawlu. Hu spiċċa hawnhekk bla ħsieb, f’kundizzjonijiet iebsa. Imma ħa l-okkażjoni biex fiż-żmien li kien hawn, iwassal l-Evanġelju. Tant kellu entużjażmu biex iwassal il-kelma ta’ Alla, li hekk għamel hawn meta wasal qalb priġunieri oħra. U wassal il-kelma ta’ Alla bħala Aħbar Tajba, jiġifieri li tagħmel ġid lil kulħadd. L-Atti tal-Appostli jurina dan meta jirrakkonta kif Pawlu fejjaq l-ewwel lil missier Publju, il-Prinċep tal-gżira, imbagħad fejjaq tant morda oħra. Wera mill-bidu li l-fidi Nisranija tagħmel il-ġid lill-bniedem, lill-bniedem b’mod ħolistiku. Fiż-żmien li għamel Malta, Pawlu tana l-isbaħ u l-aħjar.

Nirringrazzjaw lill-Mulej ukoll tan-nies li kienu jgħixu fil-gżira dak iż-żmien, li ma kinux jemmnu f’Ġesù – aktarx qatt ma kienu semgħu bih – imma li kellhom qalb miftuħa, qalb kbira.

L-Atti tal-Appostli jgħid: “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Għax kienu lesti jilqgħu lill-barrani, u laqgħu bil-qalb tant nies li spiċċaw fil-gżira bla ħsieb, laqgħu lil Pawlu li seta’ jagħmlilhom u għamlilhom tant ġid.

Ta’ dan kollu aħna grati lejn il-Mulej fil-festa ta’ San Pawl Missierna. Ma’ dan, aħna u nħarsu lura lejn kważi elfejn storja ta’ pajjiżna, minn żmien Pawlu, naraw kif il-fidi baqgħet f’pajjiżna minn żmien għal ieħor, anke kultant bħala żerriegħa, u kienet fidi li serviet ta’ ispirazzjoni għal tant nies li għamlu ġid kbir lis-soċjetà. Ħafna minn dak li llum narawh bħala ġid għal pajjiżna, meta nħarsu lura lejn l-Istorja, għandu l-bidu tiegħu minn nies ispirati mill-fidi Nisranija. Ta’ dan kollu nirringrazzjaw lil Alla: tal-fidi li lqajna f’pajjiżna u tal-effetti pożittivi tagħha tul is-snin.

Ħarsa lejn żmienna u lejn il-ġejjieni

Illum hi wkoll okkażjoni biex inħarsu mhux biss lura, lejn il-passat, imma wkoll lejn il-ħajja tagħna llum. Nitolbuh lill-Mulej biex dejjem ngħożżu l-fidi bħala l-aqwa teżor. Nitolbuh li din il-fidi ma tkunx xi ħaġa superfiċjali, qisha faċċata ta’ barra fejn tidher xi ħaġa sabiħa minn barra imma ma hemm xejn ta’ sustanza minn ġewwa; li ma tkunx ukoll xi ħaġa mibnija fuq dak li hu sensazzjonali – hi tentazzjoni anke fi żmienna li flok immorru għal dak li hu l-aktar importanti, bħalma għandna hawnhekk l-Ewkaristija, Ġesù preżenti fostna, niġru wara viżjonijiet u dehriet li jiżvijawna minn dak li jiġi l-ewwel, dak li hu essenzjali. 

Nitolbuh biex tkun fidi mhux mibnija fuq dak li hu superfiċjali jew sensazzjonali, imma fidi tassew profonda bl-għeruq fina li aħna ma nibżgħux nistqarruha l-ewwel nett bix-xhieda tal-ħajja tagħna. Tkun il-fidi li tkompli tispira d-deċiżjonijiet tal-ħajja tagħna, u li tagħtina l-valuri li joħorġu mill-Evanġelju li waslilna Pawlu.

Illum inħarsu mhux biss lejn il-passat u lejn il-preżent, imma wkoll lejn il-ġejjieni. Fuqna lkoll jiddependi kemm il-fidi li wasslilna Pawlu tkompli tkun għażiża għall-ġenerazzjonijiet futuri f’pajjiżna. Nitolbu lill-Mulej illum biex dak li lilna tant għenna u għamlilna l-ġid ikompli jkun ukoll ta’ ġid għal dawk li ġejjin warajna. Biex nagħrfu d-dmir tagħna li ngħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ japprezzaw it-teżor tal-fidi, ħalli tkun din il-fidi li tmexxihom fis-snin li ġejjin – għax lilhom nixtiqulhom l-ikbar ġid, u l-fidi tagħtihom l-ikbar ġid.

F’din il-festa għażiża, ngħidu lill-Mulej grazzi minn qalbna tal-providenza tiegħu permezz ta’ din il-ġrajja u tas-snin kollha li segwew din il-ġrajja. Nitolbuh l-għajnuna biex ngħixu l-fidi tagħna llum b’ħeġġa u nagħtu xhieda tagħha bil-qalb u bla biża’, u biex tkompli tkun il-fidi li tagħti ispirazzjoni lill-ġenerazzjonijiet futuri f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju