L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju tal-lum jista’ jinstema’ bħala xi ħaġa ’l bogħod għaliex għall-grazzja t’Alla l-marda tal-lebbra—marda li taffetwa l-ġilda tal-bniedem—illum hawn il-fejqan għaliha. Imma tajjeb nieħdu t-tagħlima li jagħtina Ġesù—tagħlima ta’ ħniena u ta’ kuraġġ—u nistaqsu lilna nfusna: imma fostna, madwarna, fil-familji tagħna hemm nies għeżież u oħrajn mhumiex li aħna nitrattaw bħalma kienu jagħmlu elfejn sena ilu lil min kien bil-lebbra?
Smajna l-kliem qawwi mill-ktieb tal-Levitiku fejn Mosè jagħti ordnijiet lill-komunità meta xi ħadd minnhom ikollu din il-marda li tittieħed, il-marda tal-lebbra. Hemm bżonn jinqata’ mill-komunità u juri lilu nnifsu ta’ li hu biex ħadd ma jersaq lejh. Il-lebbra kienet kundanna li twasslek ’il barra mis-soċjetà, eskluż. Kliem li ġieli nużawhom huma ‘emarġinat’ u ‘eskluż’, jiġifieri meta tpoġġi lil xi ħadd fil-ġenb jew fil-periferija. Dawk huma kliem simili ta’ xi ħadd li aħjar joqgħod ’il boghod biex hu jgħix komdu, u aħna wkoll.
Ġesù jiltaqa’ ma’ xi ħadd lebbruż li jitolbu l-ħniena u jgħidlu: “Jekk trid tista’ tfejjaqni” (Mk 1:40). Ġesù jitqanqal bil-ħniena. Nhar l-Erbgħa li ġej, qabel nibdew il-mixja tar-Randan, tajjeb niffukaw ftit fuq il-ħniena ta’ Ġesù li quddiem dan il-lebbruż ma taħrabx, ma tersaqx lura anzi “mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu” (Mk 1:21). L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna wkoll li Ġesù messu! Ejjew nimaġinaw ftit, nifmu id-deċiżjoni ta’ Ġesù li quddiem dan ir-raġel marid b’marda tittieħed mhux jitbiegħed minnu kif kienet titlob il-liġi imma jmidd idu fuqu, imissu u jgħidlu: “Irrid, kun imnaddaf” (Mk 1:41)
Id-deċiżjoni ta’ Ġesù hija li lil dan il-lebbruż—li kien imwarrab, emarġinat, umiljat, bla xogħol, bla familja, bla mħabba, u kultant anke bla ikel—jerġa’ jħaddnu u jilqgħu lura fil-komunità. Ejjew nieqfu ftit u forsi naħsbu f’xi kategoriji fis-soċjetà tagħna, fil-familji tagħna li aħna nħossu li ngħixu aħjar mingħajrhom, anzi, jekk jista’ jkun jisparixxu. Kulħadd għandu lista, ta’ min hi twila u ta’ min qasira. Imbagħad naraw ftit Ġesù x’għamel ma’ dan il-lebbruż. Ma tbegħedx, ma ħarabx, ma qallux biex jitlaq minn quddiemu. Ġesù ma qallux hekk għax dak mhux ix-Xitan; huwa bniedem il għandu bżonn l-għajnuna u jħossu parti mill-familja tagħna, u mhux iħossu eskluż.
Ilum nitolbu dan il-fejqan fuq il-komunità tagħna: biex tkun komunità tassew inklussiva u tilqa’ lil kulħadd. Jaf tgħiduli: imma din mhix xi ħaġa skomda, Dun Charles? Qiegħed titlob ħafna minna, ta! Nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex forsi li xi ħadd li m’għandniex grazzja miegħu, dawk li għandhom stil ta’ ħajja differenti minn tagħna jew ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti iħossuhom id-dar, at home. Ġesù mhux hekk għamel? L-aħwa, dak li għallimna Ġesù mhux dejjem komdu, imma tajjeb nifmhu li kliemu huwa espressjoni ta’ dik il-ħniena li għex sa fuq is-salib.
Xi ħaġa li tolqotni ħafna u nagħlaq biha hija li Ġesù ġarr fuqu dak li kien għaddej minnu l-lebbruż. Dan għaliex wara li l-lebbruż beda jxandar ma’ kullimkien x’għamel u kif fejqu Ġesù, Ġesù ma seta jidħol fl-ebda belt bid-dieher u kien jibqa’ fil-kampanja, (ara Mk 1: 45). Ġesù sar bniedem eskluż, emarġinat. Ħa fuqu l-kundizzjoni tal-lebbruż u din tgħidilna min hu tassew Ġesù: bniedem li jirriskja, li jieħu fuqu l-mard tagħna, u jitgħabba bin-niket tagħna. Ġesù ma jiddejjaqx ikun wieħed minna, anzi, imissna u jfejjaqna. Din il-ħniena ta’ Ġesù ssir kalamita għal ħafna niesli kienu jiġu jisimgħuh minn kullimkien. Imma x’kien jattirahom f’Ġesù? Il-ħniena u l-imħabba tiegħu.
Meta naħseb fil-ħniena ta’ Ġesù, naħseb ħafna fl-imħabba tal-ġenituri lejn l-ulied. Min ikollu dan id-don isir jibda jħobb fuq livell totalment differenti. Għal uliedek tagħmel kollox; meta t-tfal jweġġgħuk, tibki imma mbagħad kif tara wiċċhom, tinsa kollox.
Ngħiduha kif inhi, mhux għax xi drabi ma jtellgħuhielekx jew ma jkollox aptit tagħtihom litanija ta’ ġieħ imma f’qalbek xorta tibqa’ tgħid li dak ibnek, dik binti. Darba smajt mara tgħid li dak mhux jien ħallast għalih? U fakkritni fl-espresjoni li nużaw għall-uġigħ tal-ħlas. Il-ħniena tal-Mulej tixbah ħafna lil din il-ħniena li għalkemm tweġġa’, meta tħares lejn il-wiċċ ta’ kull wieħed u waħda minna tinsa, tħenn u tħobb.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta