L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Lil Marija narawha bħala Omm il-Knisja diġà fil-bidu tal-Knisja meta, kif smajna fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, kienet miġbura flimkien mal-appostli huma u jitolbu. Jidher li l-appostli fehmu malajr dak li għamel Ġesù fuq is-salib meta lil Marija qalilha: “Hawn hu ibnek” u lil Ġwanni d-dixxiplu l-maħbub qallu “Hawn hi ommok” u minn dak il-ħin Ġwanni ħadha għandu. Hemmhekk, fuq is-salib, lil ommu taha lilna bħala ommna ħalli tkun hi l-omm li tmexxina fil-ħajja tagħna.
Fuq is-salib kienet qisha t-tieni tħabbira lil Marija. L-ewwel tħabbira meta deher l-Anġlu Gabriel u qalilha li se ssir Omm Alla; u hawn meta Ġesu qalilha li se ssir omm id-dixxiplu, li jirrappreżenta lid-dixxipli, jiġifieri Omm il-Knisja. San Ġwanni Pawlu II jgħid hekk fuq Marija Omm il-Knisja: Bil-maternità tagħha, Marija tħaddan lil kull wieħed u waħda u lil kulħadd fil-Knisja, u tħaddan ukoll lil kull wieħed u waħda u lil kulħadd permezz tal-Knisja (ara Enċiklika Redemptionis Mater, 47). Għalhekk għandna din l-omm, li hi Omm il-Knisja, li tkompli l-ħidma tagħha mis-sema.
B’liema mod hija omm tagħna li niffurmaw il-Knisja?
L-ewwel nett, billi tidħol għalina, tinterċedi għalina. Hemm dik it-talba, li ngħidu b’rabta mar-rużarju, li kultant ma nifhmuhiex tajjeb. Hija talba fejn ngħidu: “Marija Santissma, urina li inti Ommna. Għalik jisma’ t-talb tagħna dak li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna.” “Għalik” ma tfissirx li Ġesù qed jitlob għaliha, imma tfisser: għall-kelma tiegħek, għall-interċessjoni tiegħek Ġesù jisma’ t-talb tagħna. Dan ifakkarna dak li għamlet fit-tieġ ta’ Kana meta hekk għamlet, indaħlet biex tgħin b’kelma li qalet lil Ġesù: “M’għandhomx inbid”. U ħalliet f’idejh. Ġesù, li s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx, għall-kelma tagħha bidel l-ilma fi nbid. Għalhekk Marija tidħol għalina, tinterċedi għalina.
Marija hi wkoll dik li takkumpanjana fil-mixja tagħna f’ħajjitna. Nafu li magħha u permezz tagħha, għandna l-appoġġ li għandna bżonn fil-ħajja tagħna. Hi u takkumpanjana, timliena anke bl-imħabba tagħha bħala omm, u turina dejjem it-triq it-tajba. L-aħħar kliem li qalet u li hu mniżżel fl-Evanġelju, fit-tieġ ta’ Kana, “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, hu l-parir li tagħti lilna hi u takkumpanjana. Tgħidilna: Ħarsu lejn Ġesu, imxu fuq il-Kelma tiegħu, u tafu li mexjin fit-triq it-tajba.
Marja hi wkoll dik li tipproteġina mill-ħażen. Tipproteġi lill-Knisja, speċjalment mill-qerq, milli b’ingann taqbad triq żbaljata.
Iktar ma l-Knisja tixbah lil Marija, iktar tkun Knisja skont il-qalb ta’ Alla.
Marija hi dik li tgħallimna nitolbu bħala Omm il-Knisja. Talb ta’ tifħir bħalma għamlet hi – “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”; talb tar-rabta mar-rieda ta’ Alla – “hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek”; u talb ukoll fis-silenzju, fis-skiet, meta bħalha aħna nitgħallmu ngħożżu l-kelma ta’ Alla fis-skiet, nitolbu fis-skiet ta’ qalbna.
Marija hi din l-omm li għandna bħala Knisja, u tkompli tmexxina hi fil-ħajja tagħna, billi tidħol għalina, takkumpanjana, tipproteġina, tgħallimna nitolbu. Tgħinna wkoll li nsiru nixbhuha, għax Marija Omm il-Knisja hi wkoll xbieha ta’ dak li l-Knisja għandha tkun. Iktar ma l-Knisja tixbah lil Marija, iktar tkun Knisja skont il-qalb ta’ Alla.
Nirringrazzjaw lill-Mulej li tana din l-omm u nitolbuh li bħala Knisja aħna dejjem ngħożżuha, inħobbuha u nimxu magħha l-mixja ta’ ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju