L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. nhar il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 2010, fis-6.00 p.m. se jmexxi Konċelebrazzjoni fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, li matulha se jordna bħala djakni lil Fra Carmelo Aquilina OFM Cap; Stephen Attard mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta; Fra Joseph Ciappara OFM; René Antoine Cilia mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi; Nicholas Dimech mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi; Stephen Magro mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar; u lil David Torpiano mill-Parroċċa ta’ San Publiju, Floriana.
Permezz ta’ l-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesu’ Kristu, li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd.
Id-dmirijiet tad-djaknu huma li: l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi ta’ mħabba (djakonija) kull meta l-bnedmin jenħtieġuħ, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar ta’ l-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah u jmexxi l-funerali.
Il-komunita’ tas-seminarju qed tħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob għal dawn id-Djakni ġodda, u biex il-Mulej ikompli jsejjaħ aktar żgħażagħ biex jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża.