Arcbishop Rino Fisichella

Il-Papa Benedittu XVI nieda l-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Il-President tal-Kunsill ġdid, l-Arċisqof Rino Fisichella, spjega l-kontenut tal-Ittra Appostolika mill-Papa fit-tnedija ta’ dan id-dekasteru. Fost oħrajn l-importanza li jkun hawn iktar qawmien fil-Kristjaneżmu madwar id-dinja u t-tisħiħ tal-għeruq insara, biex il-messaġġ tal-Vanġelu jasal f’kull tarf tad-dinja b’ilsna differenti, anki jekk id-digriet fit-twelid ta’ dan il-Kunsill Pontifiċju sar bil-Latin u bit-Taljan. L-Arċisqof qal li hu ma kienx involut f’dan u bi ħsiebu jwessa’ l-messaġġ, issa li qiegħed fil-kariga.

“It-tema tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida kienet suġġett ta’ riflessjoni profonda mill-Maġisteru tal-Knisja tul is-sekli. Hu ċar ħafna lid an l-għan jirrappreżenta sfida għall-Knisja kollha li għandha ssib mezzi adekwati biex iġġedded il-messaġġ tagħha mħabbar lill-imgħammdin li m’għadhomx jifhmu xi jfisser li wieħed ikun jappartjeni għall-komunita nisranija. Sfortunatament dawn huma vittmi tas-suġġettiviżmu ta’ żmienna”, qal Mons Fisichella.

Kompla li “hemm bżonn ideat li jimxu parepassu mal-attivita pastorali”. L-Arċisqof kompla li l-evanġelizzazzjoni l-ġdida għandha tkun magħmula minn kontenut teoloġiku u pastorali b’appoġġ qawwi tal-Maġisteru u minn dak kollu tajjeb li sar matul is-snin minn Isqfijiet fil-knejjes partikolari tagħhom, kif ukoll minn Konferenzi Episkopali u gruppi oħra.

Fost id-doveri tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida hemm il-Promozzjoni tal-użu tal-Katekiżmu tal-Knisja Universali.