• Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru 2015, sitt seminaristi u fra tal-Ordni tal-Minuri Konventwali ser jiġu ordnati djakni mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, waqt Quddiesa li tibda fis-6:30pm, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi.

    Ser jiġu ordnati djakni: Fra Allister Marija Aquilina OFM Conv., Sergio Fenech u Mark Mallia Pawley mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi, Claude Mifsud mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, James Saydon mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, In-Naxxar, Andrew Schembri mill-Parroċċa ta’San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, u Gilbert Scicluna mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara.

    Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għall-qadi bl-imħabba (djakonija) fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi funerali.

    Il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-Ordni tal-Minuri Konventwali jħeġġu lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn id-djakni ġodda u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.