Ġie inawgurat il‑proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal‑orgni (pipe organ) tas‑Santwarju tal‑Madonna ta’ Pompej f’Marsaxlokk, b’investiment ta’ madwar €47,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġett ġie inawgurat mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Pompej. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l‑Kappillan Dun Luke Seguna.
Permezz ta’ dan il‑proġett ta’ restawr estensiv fit‑teknika tal‑orgni kif ukoll fl‑intonazzjoni tiegħu, il‑ħoss tal‑orgni jista’ jerġa’ jitgawda mill‑Maltin u t‑turisti li jżuru u jattendu għall‑funzjonijiet fil‑knisja, u jgħin lill‑kongregazzjoni fil‑kant u t‑talb.
Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dan ir‑restawr, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li dan ix‑xogħol ta’ restawr sar b’mod metikoluż, u kien jirrikjedi ħafna attenzjoni u paċenzja. Huwa awgura lil kulħadd li meta nisimgħu l‑orgni jindaqq, niftakru wkoll kif fil‑ħajja rridu naħdmu b’determinazzjoni u b’paċenzja biex f’ħajjitna nagħmlu dak li jkun tassew ta’ ġid. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lill‑poplu Xlukkajr tal‑kontribut tiegħu, lis‑Segretarjat Parlamentari għall‑Fondi Ewropej, u lil dawk kollha involuti b’mod professjonali f’din il‑ħidma.
Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li r-restawr li sar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaxlokk huwa parti minn proġett ferm akbar li jinkludi numru ta’ lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex bil-għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali reliġjuż madwar il-gżejjer Maltin. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li grazzi għal dawn il-fondi Ewropej qed inkomplu nsaħħu l-prodott turistiku hekk kif se jiġbed aktar turisti sabiex ikomplu jżuru dan il-wirt storiku kulturali ta’ pajjiżna.
Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li matul ir‑restawr, it‑tastiera kif ukoll il‑pajpijiet u l‑valvijiet ġew imnaddfa mill‑ħmieġ u ġew irranġati l‑ħsarat li seħħew matul dawn l‑aħħar 70 sena. L‑orgni kellu jinħatt f’diversi biċċiet u xi partijiet tal‑injam kellhom isiru mill‑ġdid.
L‑orgni, tad‑ditta Ġermaniza Werner Bosch, kien installat fl‑1954 fil‑gallarija fuq id‑daħla tal‑bieb prinċipali tas‑santwarju, u jintuża regolarment fil‑funzjonijiet reliġjużi. Dan ix‑xogħol ta’ restawr sar permezz tal‑ħidma li twettaq il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Fil-parroċċa ta’ Marsaxlokk bħalissa qed jiġu rrestawrati wkoll il-pittura ta’ San Andrija mill-artist Giuseppe Bonnici, u l-pittura tal-Familja Mqaddsa ta’ Giuseppe Calì, li huma wkoll finanzjati b’fondi tal-Unjoni Ewropea.