Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dawn il-ġimgħat ta’ tħassib minħabba fil-pandemija li qiegħda ġġagħal lid-dinja tbati tant, fost il-ħafna mistoqsijiet li nagħmlu, jista’ jkun hemm ukoll dawk fuq Alla: X’inhu jagħmel hu quddiem it-tbatija tagħna? Fejn hu meta kollox ikun sejjer ħażin? Għax ma jaqbadx u jsolvilna l-problemi bla dewmien? Dawn huma mistoqsijiet li aħna nagħmlu dwar Alla.

Jista’ jgħinna r-rakkont tal-Passjoni ta’ Ġesù, li jakkumpanjana wkoll f’dawn il-jiem imqaddsa. Hemm ukoll, fil-fatt, jinġemgħu ħafna mistoqsijiet. In-nies, wara li laqgħet lil Ġesù b’mod trijonfali f’Ġerusalemm, bdiet tistaqsi lilha nfisha jekk dan kienx sejjer saflaħħar jeħles lill-poplu mill-għedewwa tiegħu (ara Lq 24:21). Huma kienu qed jistennew Messija qawwi, trijonfanti, bix-xabla f’idu. Imma minflok jasal wieħed ta’ qalb ħelwa u umli, li jsejjaħ għall-konverżjoni u għall-ħniena. U hija proprju l-folla, li qabel kienet għannietlu Osanna, li issa tgħajjat: “Sallbu!” (Mt 27:23). Dawk li kienu jimxu warajh, imgerfxa u mwerwra, telquh. Għax ħasbu: jekk din hi x-xorti ta’ Ġesù, mela l-Messija mhuwiex hu, għax Alla hu b’saħħtu, Alla ma jistax jintrebaħ.

Imma jekk nibqgħu naqraw ir-rakkont kollu tal-Passjoni, niltaqgħu ma’ fatt tal-għaġeb. Meta Ġesù jmut, iċ-ċenturjun Ruman li ma kienx jemmen, ma kienx Lhudi imma kien pagan, li kien rah ibati fuq is-salib u kien semgħu jaħfer lil kulħadd, li kien mess b’idejh l-imħabba tiegħu bla qies, jistqarr: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” (Mk 15:39). Jgħid proprju bil-maqlub tal-oħrajn. Jgħid li hemmhekk hemm Alla, li hu tassew Alla.

Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema hu l-veru wiċċ ta’ Alla? Is-soltu aħna nipproġettaw fuqu dak li aħna, bl-aqwa mod: is-suċċess tagħna, is-sens ta’ ġustizzja tagħna, u anki l-korla tagħna. Imma l-Vanġelu jgħidilna li Alla mhuwiex hekk. Huwa differenti u bil-qawwa tagħna waħidna ma stajniex nagħrfuh. Għalhekk hu ġie qrib tagħna, ġie jiltaqa’ magħna u proprju fl-Għid wera lilu nnifsu b’mod sħiħ. U fejn deher b’mod sħiħ? Fuq is-salib. Hemm nitgħallmu x’inhuma l-karatteristiċi tal-wiċċ ta’ Alla. Ma ninsewx, ħuti, li s-salib hu l-katedra ta’ Alla. Nagħmlu sew noqogħdu nħarsu lejn il-Kurċifiss fis-skiet u naraw min hu l-Mulej tagħna: huwa Dak li ma jipponta sebgħu lejn ħadd, lanqas lejn dawk li qed isallbuh, imma jiftaħ dirgħajh beraħ għal kulħadd; li ma jgħaffiġniex bil-glorja tiegħu, imma jixxejjen għalina; li ma jħobbniex bit-tpaċpiċ, imma jagħtina ħajtu fis-skiet; li ma jimponix ruħu fuqna, imma jeħlisna; li ma jimxix magħna ta’ barranin, imma jieħu fuqu l-ħażen tagħna, jerfa’ fuqu d-dnubiet tagħna. U għalhekk, biex ninħelsu mill-preġudizzji tagħna fuq Alla, ejjew inħarsu lejn il-Kurċifiss. U mbagħad niftħu l-Vanġelu. F’dawn il-jiem, meta lkoll qegħdin kwarantina u d-dar, magħluqin, ejjew naqbdu f’idejna dawn iż-żewġ affarijiet: il-Kurċifiss, inħarsu lejh; u niftħu l-Vanġelu. Din tkun għalina – ħa ngħidu hekk – bħal liturġija kbira tad-dar, għax f’dawn il-jiem ma nistgħux immorru l-knisja. Kurċifiss u Vanġelu!

Fil-Vanġelu naqraw li, meta n-nies marret għand Ġesù biex tinkurunah sultan, ngħidu aħna wara t-tkattir tal-ħobż, hu żgiċċalhom (ara Ġw 6:15). U meta x-xjaten riedu jikxfu l-maestà divina tiegħu, hu jsikkithom (ara Mk 1:24-25). Għaliex? Għax Ġesù ma jridx li jinftiehem ħażin, ma jridx li n-nies tibdel il-veru Alla, li hu mħabba umli, ma’ alla falz, alla ta’ din id-dinja li jagħmel spettaklu u jimponi ruħu bis-saħħa. Mhuwiex idolu. Huwa Alla li sar bniedem, bħal kull wieħed u waħda minna, u jesprimi ruħu bħala bniedem imma bil-qawwa tad-divinità tiegħu. Imma allura fil-Vanġelu meta tiġi mxandra solennement l-identità ta’ Ġesù? Meta ċ-ċenturjun ilissen: “Kien tassew Bin Alla!”. Hemm nisimgħuha, malli jkun ta ħajtu fuq is-salib, għax hemm m’hemmx ċans ta’ żball: hemm naraw li Alla hu ta’ setgħa ta’ tarf fi mħabbtu, u mhux b’xi mod ieħor. Hija n-natura tiegħu, għax hekk magħmul. Huwa hu l-Imħabba!

Int tista’ toġġezzjona: “X’ħa nagħmel bih Alla hekk dgħajjef, li jmut? Kont nippreferi alla b’saħħtu, Alla qawwi!”. Imma ħa ngħidlek, is-setgħa ta’ din id-dinja tgħaddi, imma l-imħabba tibqa’. L-imħabba waħidha tista’ ssalva lil din il-ħajja li għandna, għax tħaddan magħha d-dgħufijiet tagħna u tibdilhom. Hija l-imħabba ta’ Alla li fl-Għid fejjaq id-dnub tagħna bil-maħfra tiegħu, li għamel mill-mewt mogħdija għall-ħajja, li bidel il-biża’ tagħna f’fiduċja, l-uġigħ tagħna f’tama. L-Għid jurina kif Alla kapaċi jdawwar kollox għat-tajjeb. Kif miegħu nistgħu tabilħaqq nafdaw li kollox se jmur sew. U din mhijiex xi illużjoni, għax il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mhumiex illużjoni: kienet verità! Għalhekk nhar l-Għid filgħodu nisimgħu jingħad lilna: “La tibżgħux!” (ara Mt 28:5). U l-mistoqsijiet muġugħa fuq il-ħażen ma jgħibux ħesrem, imma jsibu fl-Irxoxt il-blata soda li minħabba fiha ma negħrqux.

Għeżież ħuti, Ġesù bidel l-istorja billi ġie qrib tagħna u, imqar jekk għadha minsusa mill-ħażen, għamilha storja ta’ salvazzjoni. Meta offra ħajtu fuq is-salib, Ġesù mqar lill-mewt għeleb. Mill-qalb minfuda tal-Mislub, l-imħabba ta’ Alla tilħaq lil kull wieħed u waħda minna. Aħna nistgħu nibdlu l-ġrajjiet ta’ ħajjitna billi nersqu lejh, nilqgħu s-salvazzjoni li joffrilna. Ħuti, ejjew niftħulu qalbna kollha fit-talb, din il-ġimgħa, f’dawn il-jiem: bil-Kurċifiss u bil-Vanġelu. Tinsewx: il-Kurċifiss u l-Vanġelu. Il-liturġija domestika din trid tkun. Niftħulu qalbna kollha fit-talb, inħallu l-ħarsa tiegħu tistrieħ fuqna u nifhmu li m’aħniex waħidna, imma maħbubin, għax il-Mulej ma jitlaqniex waħidna u ma jinsiniex, qatt. U b’dawn il-ħsibijiet, nawguralkom Ġimgħa Mqadda u Għid Qaddis.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard