Pope Francis and Pope Emeritus Benedict XVI

Papa Franġisku awgura l-isbaħ xewqat f’għeluq snin il-predeċessur tiegħu, il-Papa Emeritus Benedittu XVI. Fi ftuħ iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ dalgħodu fil-kappella Sanctae Marthae, il-Papa stieden lil dawk preżenti jiftakru li kien il-jum li fih Benedittu XVI jiċċelebra għeluq sninu. Huwa stieden lill-preżenti sabiex joffru l-quddiesa għall-bżonnijiet tiegħu, biex il-Mulej ikun miegħu, jagħtih il-paċi u l-konsolazzjoni.

Iktar kmieni matul l-għodwa, Franġisku ċempel lill-predeċessur tiegħu u awguralu. Wassal ukoll it-tislijiet lil ħuh Mons Georg Ratsinger li għal ftit jiem kien f’Castel Gandolfo proprju biex jiċċelebra ma’ ħuh din l-okkażjoni speċjali fi spirtu ta’ fraternita, hu li se jkun qed jiċċelebra l-festa tal-qaddis tiegħu San Ġorġ fit-23 jum ta’ dan ix-xahar.