• ***

    Direttur: Jake Schreier

    Atturi: Nat Wolff, Cara Delevingne, Austin Abrams, Justice Smith

    Ħin: 109 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Quentin u Margo kien ilhom ħbieb minn meta kienu tfal, minn meta l-familja ta’ Margo marru joqgħodu faċċata ta’ fejn kienet toqgħod il-familja ta’ Quentin f’subborg ta’ Orlando, Florida. Iżda sa meta bdew il-Junior College kienu inqatgħu minn xulxin. Lejl wieħed, iżda, Margo tipperswadi lil Quentin kontra qalbu biex jgħina tivvendika ruħha mill-ex boyfriend tagħha li kien ittradiha, u l-imħabba ta’ bejnithom terġa’ tiġġedded. Margo ma tantx timpressjona ruħha bin-nies u djar “tal-karti”, artifiċjali u illużorji, ta’ Orlando, u s-soluzzjoni tagħha hija li taħrab minn hemm. Qabel ma’ titlaq hija tħalli lil Quentin xi ħjiel ta’ fejn tkun marret biex ikun jista’ jsibha. Għalhekk, Quentin flimkien ma’ żewġt iħbieb jipprova jiskopri minn dawk il-ħjiel fejn setgħat qedha u mbagħad jitlaq lejn New York biex isib lil Margo li tkun qedha tinħeba f’”paper town”, post inventat u fittizju. Quentin u ħbiebu jitkellmu ħafna bejniethom bil-għan li jiskopru aktar lilhom infushom u jikbru, iżda jekk dan l-għan jintlaħaqx jew le hija kwestjoni oħra.

    Film t’avventura bbażat fuq ir-rumanz ta’ John Green. Hija storja dwar ‘coming-of-age’, dwar kif minn tfal insiru adulti.  Hija storja bbażatha fuq l-artifiċjalita’. Quentin u sħabu, kollha tfal tajbin u li jobdu r-regoli, jitkellmu ħafna iżda ma jaslu mkien. Margo tesiġi li Quentin jiftah moħħu u jsir aktar konxju minnu nnifsu, iżda  dan ma tantx jirnexxi. Il-karattri huma fjakki, ħlief għal Margo. Il-film fih referenzi dwar sesswalita’, kliem doppju sens u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.