Il-Kelliemi għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal f’kummenti lill-media li l-Papa Benedittu XVI bħalissa jeħtieġ ħafna solidarjeta. Huwa kien intervistat fid-dawl tal-aħħar aħbarijiet li svelaw li s-servjent tiegħu kien arrestat wara li nstabu dokumenti kunfidenzjali tal-Papa fil-pussess tiegħu, każ aktarx relatat mal-ħruġ ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-istess dokumenti fil-media.
Mistoqsi jekk il-Papa hux se jirriżenja, teżi ta’ xi mezzi tal-media, Lombardi qal li hi sempliċiment diċerija bla ebda bażi. Il-Kurja, kompla jgħid, esprimiet appoġġ sħiħ mal-Papa u qalet li se tibqa’ taħdem mill-qrib miegħu fuq il-katedra tas-suċċessur ta’ Pietru. “Huwa l-mument meta l-iktar meħtieġ jintwera appoġġ u solidarjeta mal-Papa, fil-ħidma u s-servizz tiegħu”.
Patri Lombardi spjega lill-ġurnalisti li hu importanti li wieħed jistenna li jkun hemm stampa sħiħa u ċara tas-sitwazzjoni kollha, qabel ma wieħed jagħmel l-istqarrijiet. Dan minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri.
Lombardi kkonferma wkoll li l-akkużat Paolo Gabriele iltaqa’ mal-avukati difensuri tiegħu li jista’ jkun li jitolbu li hu jinżamm taħt arrest f’daru jew taħt sorveljanza.