Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-djoċesi ta’ Għawdex qed nagħtu bidu għall-Ġublew 2025. Dan isegwi l-inawgurazzjoni uffiċjali tas-Sena Mqaddsa mill-Papa Franġisku lejlet il-Milied, immarkata mill-ftuħ tal-Bieb Imqaddes fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Is-Sena tal-Ġublew hi żmien importanti għall-Knisja Kattolika. Il-Papa Franġisku għażel bħala tema: “Pellegrini tat-Tama”. Din il-mixja tħeġġeġ tiġdid tal-fidi u impenn ġdid għall-ħajja spiritwali. F’dinja li qed taffaċċja sfidi profondi, din it-tema sservi bħala gwida għalina lkoll. It-tama ssir dawl speċjalment għal dawk li jħossuhom imħawdin, mitlufin, minsijin, jew mitlufin f’disperazzjoni.

Matul is-sena d-dieħla, sfida importanti li se jkollna hu li nkunu pellegrini tat-tama għal dawk li jaħsbu li l-ħajja tagħhom ma għadx għandha valur. Hi sejħa biex ngħinu lill-vulnerabbli billi noffrulhom sapport u nippromwovu d-dinjità u l-valur tal-ħajja tagħhom. Hi stedina biex naħdmu ħalli nagħtu t-tama billi nkunu protetturi tal-ħajja.

Tema li jidher li se tkun proposta għas-sena d-dieħla hi d-diskussjoni fuq l-ewtanasja. Hu f’waqtu li nagħrfu l-kontribut tal-Papa Franġisku f’din id-diskussjoni. It-tagħlim tiegħu dwar dan is-suġġett sensittiv jolqot fil-fond il-moħħ u l-qalb, jappella għal kultura tal-ħajja mibnija fuq il-kompassjoni, il-kura, u d-dinjità, aktar milli kultura li timxi mal-konvenjenza jew il-pressjoni tax-xejriet taż-żmien.

Pożizzjoni soda fuq il-qdusija tal-ħajja

L-ewtanasja, li kultant b’ewfemiżmu tissejjaħ “assistenza fil-mewt”, hi l-att intenzjonat li jtemm ħajjet persuna bil-ħsieb li titneħħa t-tbatija. Filwaqt li dawk li jsostnuha jargumentaw għall-awtonomija individwali u l-għajnuna mit-tbatija intollerabbli, il-Papa Franġisku ripetutament jisħaq fuq il-valur intrinsiku tal-ħajja umana, irrispettivament mill-istadju jew il-kundizzjoni tagħha.

F’bosta diskorsi pubbliċi u kitbiet, il-Papa Franġisku spjega li l-ewtanasja mhijiex moralment aċċettabbli, u ddeskrivieha bħala parti minn “kultura tal-iskart” li ma tapprezzax il-valur tal-ħajja. Huwa jara l-ewtanasja bħala sintomu ta’ soċjetà li tipprioritizza l-effiċjenza u l-konvenjenza fuq il-kura ġenwina għall-vulnerabbli. L-argument tiegħu huwa mibni fuq it-twemmin li l-ħajja hija rigal mingħand Alla u li Alla biss għandu l-awtorità biex itemmha.

Il-Papa Franġisku jiftħilna għajnejna kontra l-inklinazzjoni perikoluża tal-legalizzazzjoni tal-ewtanasja, u juri kif din tista’ twassal għan-normalizzazzjoni tal-qtil bħala soluzzjoni għat-tbatija. Huwa jżomm li prattiċi bħal dawn jistgħu jimminaw id-dinjità tal-morda u l-anzjani, li jistgħu jħossuhom imbuttati biex itemmu ħajjithom qabel iż-żmien minħabba pressjoni soċjali jew familjari. Ta’ min isemmi li, skont ir-rapport annwali rigward l-ewtanasja (imsejħa Medical Assistance in Dying) fil-Kanada, fis-sena 2023, kważi ħamsa fil-mija tal-imwiet kienu bl-ewtanasja – jiġifieri persuna waħda f’kull għoxrin persuna.

Kura b’kompassjoni bħala alternattiva

Il-Papa Franġisku, fil-kuntest tad-diskussjoni dwar l-ewtanasja, jisħaq fuq il-promozzjoni tal-kura palljattiva. Hu juri kif ir-risposta xierqa għat-tbatija mhijiex li tħaffef il-mewt iżda li ttaffi l-uġigħ u tipprovdi appoġġ emozzjonali, spiritwali, u psikoloġiku. Huwa jinkoraġġixxi lis-sistemi tas-saħħa u lill-gvernijiet biex jinvestu f’kura palljattiva ta’ kwalità, jiżguraw li l-pazjenti jħossuhom apprezzati u maħbubin anke fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom.

Waqt li l-Papa Franġisku kien qed indirizza lill-parteċipanti f’konferenza dwar il-kura paljattiva, hu ħeġġiġhom jirreżistu t-tendenza dejjem tikber tal-ewtanasja. Huwa enfasizza l-importanza li jiġu akkumpanjati l-pazjenti b’empatija u afferma l-impenn tal-Knisja li tappoġġja lil dawk il-professjonisti mediċi li jħaddnu valuri li jipproteġu u jippromwovu l-ħajja. Il-Papa fisser it-twemmin tal-Knisja fin-natura redentiva tat-tbatija u l-importanza tas-solidarjetà ma’ dawk li huma morda.

L-Isfida etika tal-awtonomija

Filwaqt jħaddan il-qdusija tal-ħajja, għax kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla, il-Papa Franġisku jirrikonoxxi l-enfasi moderna fuq l-awtonomija personali, argument ċentrali għal dawk li jappoġġjaw l-ewtanasja. F’dan il-kuntest, hu jfisser kif il-libertà vera għandha titħaddem b’mod responsabbli. Huwa jargumenta li d-dritt għall-awtonomija m’għandux ixejjen il-prinċipju etiku fundamentali tal-protezzjoni tal-ħajja.

Il-Papa wkoll indirizza l-kumplessitajiet emozzjonali u psikoloġiċi li jdawru d-deċiżjonijiet ta’ tmiem il-ħajja. Huwa jirrikonoxxi l-biża’ u l-vulnerabbiltà li jistgħu jmexxu lill-individwi biex jikkunsidraw l-ewtanasja iżda jsejjaħ lis-soċjetà biex tirrispondi b’kompassjoni kbira li turi lil kull persuna li l-ħajja tagħha hi prezzjuża. Huwa jgħid li meta tinħoloq kultura li tafferma l-ħajja u tipprovdi kura komprensiva, ix-xewqa għall-ewtanasja tista’ titnaqqas.

Sejħa lis-soċjetà

Il-pożizzjoni tal-Papa Franġisku fuq l-ewtanasja mhijiex biss pożizzjoni ċara għall-Kattoliċi, imma hija appell usa’ lill-kuxjenza tal-umanità. Huwa jsejjaħ lill-politiċi, lil dawk impenjati fil-kura tas-saħħa, u lill-familji biex jagħtu prijorità lid-dinjità umana u s-solidarjetà. It-tagħlim tiegħu jħeġġeġ lis-soċjetà tirrifjuta l-mentalità utilitarja li tkejjel il-valur tal-ħajja permezz tal-produttività jew il-kumdità.

Il-Papa jitkellem ukoll dwar ir-rwol tal-komunitajiet fl-appoġġ ta’ dawk li qed ibatu. Huwa jemmen li l-iżolament u s-solitudni ħafna drabi jiggravaw ix-xewqa għall-ewtanasja. Billi jiġu ffaċilitati netwerks ta’ appoġġ, is-soċjetà tista’ tgħin lill-individwi jsibu t-tifsira u t-tama anke quddiem it-tbatija.

Proġett konkret

Is-sejħa tal-Papa Franġisku turi mod tajjeb ħafna kif aħna f’pajjiżna nistgħu nkunu pellegrini tat-tama, speċjalment ma’ dawk li tilfu kull tama f’ħajjithom. It-tagħlim tal-Papa jirrifletti l-impenn profond tiegħu u tal-Knisja biex tħares il-qdusija tal-ħajja, u l-viżjoni usa’ għal soċjetà mimlija kompassjoni li tħaddan il-ħajja.

Il-proġett minn Hospice Malta ta’ St Michael’s Hospice, fil-bini li kien Dar Adelaide Cini u li ngħata mill-Knisja f’Malta b’commodatum – proġett li se jkun inawgurat f’Jannar li ġej – hu espressjoni ta’ dan l-impenn għal kura paljattiva professjonali. Hu stqarrija li l-ħajja għandha valur, u li rridu dejjem inkunu viċin dawk l-aktar vulnerabbli. Hu stedina għal kultura li tħaddan il-ħajja f’kull stadju tagħha. Hu messaġġ ta’ kompassjoni, ta’ solidarjetà, u ta’ rispett sħiħ għad-dinjità umana.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fuq il-Leħen fid-29 ta’ Diċembru 2024.