L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tħejji pjan ta’ kontinġenza biex tilqa’ fl‑istrutturi edukattivi tagħha l‑istudenti u l‑istaff tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir jekk l‑iskola ma tkunx f’pożizzjoni li tiffunzjona fil‑bidu tas‑sena skolastika 2022/23.
L‑Arċidjoċesi, permezz tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, ilha għal diversi ġimgħat involuta b’mod attiv f’taħditiet sabiex tiġi identifikata t‑triq ’il quddiem għall‑partijiet kollha, wara d‑deċiżjoni tal‑Ordni Dumnikan — li hu responsabbli mill-kulleġġ — li jkeċċi l‑eks surmast tal‑iskola. L-Arċidjoċesi tesprimi d-diżappunt tagħha li l‑kwistjoni għadha mhix solvuta ftit jiem qabel il‑bidu ta’ sena skolastika ġdida.
L‑għan ewlieni tas‑Segretarjat jibqa’ li jħeġġeġ għal diskussjonijiet li jħallu riżultat pożittiv bejn l‑Ordni Dumnikan u l‑MUT. Fl-istess waqt is-Segretarjat daħal għar‑responsabbiltà li jħejji pjanijiet alternattivi fl‑eventwalità li t‑taħditiet ma jitkomplux.
Kelliema għall‑Arċidjoċesi qalet: “Waqt laqgħa li saret riċentament mal‑Arċisqof Charles Scicluna, il‑ġenituri esprimew it-tħassib tagħhom b’mod ġustifikat dwar l‑inċertezza tal‑edukazzjoni ta’ wliedhom. L‑Arċisqof qal li se jonora l‑impenn li ħa biex iħares il‑ġid tal‑istudenti li huwa, u jrid jibqa’, prijorità ewlenija”.
L‑Arċidjoċesi tixtieq tirringrazzja lill‑awtoritajiet edukattivi tal‑koperazzjoni tagħhom kif ukoll lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, lill‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi u lill‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja li qed jaħdmu bla heda biex din il‑kwistjoni tiġi konkluża b’suċċess.