L-emendi fil‑liġi tal‑IVF idgħajfu d-dinjità tal-embrijuni għax jippermettu li dawk b’mard ġenetiku speċifiku jiġu ffriżati għal dejjem. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn l-emendi, se ssir għażla diskriminatorja bejn liema tarbija futura tgħix u liema tiġi ffriżata, abbażi tal‑kundizzjoni ġenetika tagħha.
Dan qaluh 35 espert multidixxiplinarju fosthom mill‑qasam tal‑mediċina, ix‑xjenza u l‑embrijoloġija, f’position paper li ħejjew bħala parti minn diskussjoni usa’ li trid issir bħala parti mid-dibattitu Parlamentari dwar l-emendi proposti għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
L‑esperti jagħrfu t‑tbatija ta’ dawk il‑koppji li jgħaddu mill‑IVF jew li jafu li wliedhom jistgħu jkollhom mard ġenetiku. Għalhekk, qed jappellaw fost l‑oħrajn għal aktar servizzi ta’ sapport lill‑koppji li għaddejjin minn trattament ta’ fertilità, u jsemmu l‑Polar Body Biopsy bħala alternattiva vijabbli flok l‑ittestjar tal‑embrijuni.
Qalu wkoll li bl‑introduzzjoni tal‑emendi li qed jipproponi l‑Gvern, ftit hemm ċans li embrijuni b’mard ġenetiku jiġu adottati u għalhekk aktar embrijuni se jibqgħu ffriżati. Dan meta, skont l‑Awtorità għall‑Protezzjoni tal‑Embrijuni, sal‑lum diġà hemm 388 embrijun iffriżat u li f’dawn l‑aħħar sentejn ma ġew adottati minn ħadd.
Il‑35 espert ikkonfermaw li tmienja mid‑disa’ kundizzjonijiet ġenetiċi rari msemmija jistgħu jiġu identifikati mingħajr il‑ħtieġa li jiġi ttestjat l‑embrijun u b’hekk jitpoġġa f’periklu. Qalu li ħlief għall‑Huntington’s Disease, fil‑każ tal‑kundizzjonijiet kollha msemmija jistgħu jsiru testijiet ġenetiċi fuq iż‑żewġ ġenituri, segwit jekk ikun hemm bżonn, minn test fuq il‑bajd tal‑mara u dan permezz tal‑Polar Body Biopsy li jsir qabel ma jiġi ffurmat l‑embrijun.
Jgħidu wkoll li rrispettivament mill‑kundizzjonijiet li se jkunu elenkati fil‑protokoll, l‑ebda embrijun m’għandu jiġi ffriżat għal dejjem. Li tagħżel bejn l‑embrijuni skont il‑ġenetika tagħhom hija deskriminatorja u ma tirrispettax id‑dinjità ta’ persuni li diġà jgħixu b’tali kundizzjonijiet.
L-esperti qalu li kwalunkwe proċess li jwassal għall‑qerda tal‑embrijun mhuwiex etikament aċċettabbli, għax iwassal għall‑qerda tal‑ħajja umana, filwaqt li tennew li s‑soċjetà għandha dmir li tħares u tipproteġi dawk l‑aktar vulnerabbli, inkluż fejn jidħol l‑embrijun uman.
Il‑position paper ġiet iffirmata minn 35 espert fil‑qasam tal‑mediċina klinika, ix‑xjenzi bażiċi, l‑embrijoloġija, ix‑xjenzi tas‑saħħa, il‑liġi, il‑psikoloġija, il‑benessri tas‑soċjetà, il‑politika soċjali, l‑istudji tal‑familja, l‑istudji tad‑diżabbilità, il‑filosofija u t‑teoloġija.