L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mela x’għad ikun dan it-tifel?” (Lq 1:66) Din kienet ir-reazzjoni tan-nies meta semgħu li twieled Ġwanni l-Battista. Kienet din ir-reazzjoni, għaliex huma kienu jafu li Eliżabetta u Żakkarija kienu kbar fl-età, u Eliżabetta ma setax ikollha tfal. U għalhekk kienet diġà xi ħaġa ta’ stagħġib li twieled tifel. Imma, barra minn hekk, anke kif din saret. Żakkarija, meta rċieva l-messaġġ mill-anġlu Gabriel, f’mument minnhom ma baqax jitkellem; u meta twieled dat-tifel, Żakkarija beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.
“X’għad ikun dan it-tifel?” Din kienet ir-reazzjoni, u fil-fatt kellhom raġun jaħsbu hekk għax dan kien tifel speċjali. Dan kien Ġwanni l-Battista, il-prekursur ta’ Ġesù, dak li ġie qabel Ġesù. Fil-fatt, qrajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Malakija: “Araw jien se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq quddiemi…” (Mal 3:1) Dan kien Ġwanni l-Battista. Nafu li kien prekursur ta’ Ġesù, imma b’liema mod kien prekursur? L-ewwel nett, kien prekursur tiegħu bit-twelid tiegħu. Ġwanni twieled ftit xhur qabel. Aħna niċċelebraw il-festa tat-twelid tiegħu sitt xhur qabel eżatt it-twelid ta’ Ġesù. Nagħmlu dan għax meta l-anġlu Gabriel kien deher lil Marija, u hi aċċettat, u hekk tnissel Ġesù – bdiet il-ħajja umana tiegħu – kien qalilha dak inhar li Eliżabetta kienet fis-sitt xahar tat-tqala. Għalhekk tliet xhur wara twieled Ġwanni l-Battista, u sitt xhur wara t-twelid ta’ Ġwanni niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Ġwanni kien prekursur bit-twelid tiegħu.
Kien prekursur ta’ Ġesù wkoll bil-kelma tiegħu. Lil Ġwanni l-Battista narawh ixandar il-kelma, iwassal l-Aħbar it-Tajba. Jagħmel dan b’mod ċar, bla biża’, bil-kuraġġ kollu. Dejjem iwassal lin-nies għand Ġesù. Jgħidilhom: mhux jien il-Messija, huwa hu l-Messija. B’dan il-mod għen lin-nies biex jaslu għand Ġesù, bil-kelma tiegħu.
Ġwanni kien prekursur ta’ Ġesù wkoll bl-isem stess tiegħu – Ġwanni. Hawnhekk qrajna d-diskursata li kien hemm bejn il-qraba, għax dawn riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, lil dan it-tifel li twieled. Imma l-anġlu Gabriel, meta deher lil Żakkarija, kien qallu: “inti semmih Ġwanni” (Lq 1:13). Għalhekk Eliżabetta qalet: “Ġwanni jkun jismu” (Lq 1:60). U meta staqsew lil Żakkarija, li kien għadu ma setax jitkellem, talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb u kiteb: “Ismu huwa Ġwanni” (Lq 1:63). L-isem “Johanan” ifisser: Alla li jħenn, Alla kollu mħabba. F’dan l-istess isem, hemm il-messaġġ kbir, qed iħejji minn qabel it-triq għal Ġesù, li hu proprju dak li jinkarna din l-imħabba kbira u l-ħniena ta’ Alla, bħalma kien spjega Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).
Ġwanni kien prekursur ukoll ta’ Ġesù bil-mewt tiegħu. Minħabba li xandar il-verità, spiċċa l-ewwel maqful il-ħabs, imbagħad maqtul. Bil-martirju tiegħu kien diġà qed iħabbar minn qabel dak li kien se jgħaddi minnu Ġesù bil-mewt tiegħu – li fissret għalina s-salvazzjoni.
Dan-nies qalu: “X’għad ikun dan it-tifel?” Aħna llum nagħmlu tajjeb jekk, fuq l-eżempju stess li jagħtina Ġwanni, bil-kelma u x-xhieda tiegħu, ma niqfux fuq dan it-tifel imma nimxu għal tifel ieħor – għal Ġesù, li Ġwanni dejjem jipponta lejh. F’dan il-Milied inħarsu lejn Ġesù, is-Salvatur tagħna. Niftakru dak li għedna fis-Salm: “Int Alla tas-salvazzjoni tiegħi” (Salm 25:5). Nitolbuh lil Ġesù biex jimliena f’dan il-Milied, u fis-sena l-ġdida wkoll, bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu ħalli aħna nimxu warajh il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju