Id-dimostrazzjoni bil-Bambin lejlet il-Milied għandha l-għeruq tagħha fis-Soċjetà tal-MUSEUM għaliex kien San Ġorġ Preca li madwar 100 sena ilu wera din ix-xewqa, is-soċji kien irnexxielhom jakkwistaw Bambin u daru t-toroq tal-Ħamrun bix-xbieha ta’ Ġesù Bambin. Minn hemm it-tradizzjoni tad-dimostrazzjoni nxterdet mal-irħula kollha.

Newsbook.com.mt tkellmet mas-Superjer tal-MUSEUM ta’ Ħaż-Żabbar Brian Psaila li stqarr li hu bħala persuna jgħix għal Milied. Mistoqsi x’inhi r-rabta tas-Soċjetà mal-Milied, huwa beda billi semma’ d-distintiv “il-Verbum Dei Caro Factum Est’- L-Iben t’Alla Sar Bniedem , id-domna li jinkoraġixxu li tintlibes kuljum biex tfakkar it-twelid ta’ Ġesù.

Imbagħad bħala soċji flimkien mat-tfal li jattendu jgħixu n-novena u lejlet il-Milied issir id-dimostrazzjoni bil-Bambin. Waqt din id-dimostrazzjoni t-tfal jilbsu ta’ personaġġi Bibbliċi, bħal anġli u rgħajja, ikun hemm il-kant tal-Milied u jimxu wara l-iskudett prinċipali tal-Verbum Dei Caro Factum Est. Fi kliem is-Superjur, “inwasslu l-veru Milied, li Alla sar bniedem.” Kull raħal għandu l-aspett tiegħu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ. Wara t-tfal jingħataw presepju ċkejken jew xbieha ta’ Ġesù li jkunu nħadmu mis-soċji stess.

Mistoqsi għalfejn mhux l-oqsma kollha jagħmlu din id-dimostrazzjoni f’lejlet il-Milied hu spjega li ħafna mużewijiet illum il-ġurnata huma magħqudin flimkien għaldaqstant is-superjuri jridu jitqassmu bejn iż-żewġ oqsma.  Fl-aħħar sentejn id-dimostrazzjoni ma setgħetx issir fit-toroq minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija iżda kien hemm min hemm min bil-permess tal-awtoritajiet ikkonċernati għamel attività bilqiegħda fil-grawnds tal-istess MUSEUM.

Din-sena hemm aspettativa kbira u l-messaġġ tas-Superjur għal dal-Milied hu li verament inżommu l-Bambin fiċ-ċentru tal-Milied, “għax wara kollox hija l-festa tat-twelid tiegħU.”

Sors: Newsbook.com.mt