• Id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet Maltin li jipprojbixxu saċerdot milli jkompli jeżerċita l‑ministeru tas‑saċerdozju, minkejja d‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Appell, turi li l‑Knisja timxi bi kriterji speċifiċi u aktar stretti minħabba r‑responsabbiltà li l‑liġi tal‑Knisja tpoġġi fuq kull membru tal‑kleru. Dan qalu l‑Kap tas‑Safeguarding Commission, Andrew Azzopardi, waqt il‑preżentazzjoni tar‑rapport annwali tal‑kummissjoni tal‑Knisja responsabbli mill‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli.

    Andrew Azzopardi qal li din l‑istess responsabbiltà u ħtieġa ta’ azzjoni aktar immedjata kienet wasslet lill‑Isqfijiet Maltin u lill‑ordnijiet reliġjużi biex fl‑2015 iwaqqfu s‑Safeguarding Commission – grupp ta’ professjonisti minn oqsma differenti li jaħdmu b’mod awtonomu u jagħtu rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw allegazzjonijiet ta’ abbuż fil‑Knisja. Il‑membri tal‑kummissjoni huma: Dr Roberta Attard (psikologu kliniku), Dr Kevin Borg (pedjatra), Fr Antoine Farrugia sdb (ħaddiem soċjali),                      Dr Nathalie Kenely (Kap tad‑Dipartiment tal‑Politika Soċjali fl‑Università ta’ Malta), Rev. Dr Joseph Farrugia (psikologu kliniku) u Dr Nicole Briffa (avukat).

    Il‑Kap tas‑Safeguarding Commission spjega li fl‑2017 il‑kummissjoni rċeviet tliet allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq minuri li nstabu li kienu sostanzjati. Dawn l‑allegazzjonijiet kienu jinvolvu saċerdot djoċesan, patri u lajk. Fit‑tliet ċirkustanzi l‑każijiet ġew riferuti lill‑Pulizija għall‑investigazzjoni. Barra minn hekk ittieħdet l‑azzjoni meħtieġa, mingħajr preġudizzju, billi ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali tal‑persuni kkonċernati. Dan sar fuq rakkomandazzjoni tal‑kummissjoni bħala prekawzjoni.

    Sa tmiem is‑sena li għaddiet is‑Safeguarding Commission kkonkludiet ukoll l‑evalwazzjoni ta’ numru ta’ lmenti mressqa għall‑attenzjoni tagħha. Minn dawn l‑ilmenti 10 ma ġewx ippruvati, 3 kienu infondati u 3 ilmenti ma kinux dwar abbuż iżda xorta ġew riferuti lil entitajiet oħra. Fil‑preżent, il‑kummissjoni qed tevalwa 12‑il ilment ieħor li jikkonċernaw minuri.

    Dwar ilmenti li jikkonċernaw adulti vulnerabbli, il‑kummissjoni sabet li mill‑ilmenti li rċeviet fl‑2017, 3 ma ġewx ippruvati, 3 kienu infondati, u 6 ġew riferuti lil entitajiet oħra għax ma kinux jikkonċernaw abbuż sesswali, fiżiku, emozzjonali, sfruttament jew bullying. Fil‑preżent, il‑kummissjoni qed tevalwa 3 ilmenti oħra.

    Andrew Azzopardi qal li ħidmet is‑Safeguarding Commission tul is‑snin qed tgħin biex jikber l‑għarfien dwar il‑prevenzjoni mill‑abbuż. Spjega kif il‑kummissjoni tat taħriġ speċjalizzat lil madwar 2,000 persuna li jaħdmu mat‑tfal, adolexxenti u adulti vulnerabbli fl‑entitajiet tal‑Knisja. Dawn jinkludu: għalliema, care workers, katekisti, saċerdoti, membri fl‑ordnijiet reliġjużi, seminaristi u voluntiera.

    Is‑sena li għaddiet il‑kummissjoni temmet proġett pilota ma’ sitt entitajiet tal‑Knisja li evalwa l‑miżuri mħaddma u kkunsidra metodi ġodda fil‑qasam tal‑prevenzjoni mill‑abbuż. Il‑kummissjoni ssottomettiet ukoll għadd ta’ applikazzjonijiet quddiem il‑Qrati tal‑Ġustizzja biex tikkonferma li 2,155 persuna fil‑Knisja li jaħdmu mal‑minuri jissodisfaw il‑kriterji meħtieġa skont il‑Liġi. Dan biex tiżgura li l‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli jkun fiċ‑ċentru tal‑ħidma tal‑Knisja għall‑benefiċċju tal‑komunità kollha.

    Andrew Azzopardi esprima s‑sodisfazzjon tiegħu għall‑kollaborazzjoni li teżisti bejn is‑Safeguarding Commission u l‑Pulizija fil‑ħidma kontra l‑abbuż biex issir ġustizzja mal‑vittmi. Ħeġġeġ lil kull min għandu xi informazzjoni relatat ma’ abbuż fil‑Knisja biex jirrapporta direttament lill‑Pulizija u biex jikkuntattja lis‑Safeguarding Commission fuq [email protected].

     

  • 4