Il-koppja miżżewġa Settimio u Licia Manelli, kellhom 21 wild li tlettax minnhom baqgħu ħajjin. Minn mindu seħħet il-konverżjoni ta’ Settimio bis-saħħa ta’ San Piju ta’ Pietrelcina, ġewwa San Giovanni Rotondo, il-koppja qasmu l-ħajja miżżewġa tagħhom – kemm dik spiritwali kif ukoll materjali – taħt it-tmexxija tal-patri qaddis Padre Pio.
Għall-qdusija u l-virtujiet erojċi tagħhom, huma ġew iddikjarati mill-Knisja bħala Venerabbli. Bħalissa miexi ’l quddiem il-proċess għall-beatifikazzjoni tagħhom. Din il-koppja stess tirrakkonta l-ħajja mimlija tagħhom u kemm għamel magħhom Padre Pio fil-ktieb li huma kitbu: “Questa è la mia Famiglia: (Padre Pio)”.
Mons. Charles G. Vella qaleb il-ktieb għall-Malti u jistqarr: “Din hi koppja miżżewġa miftuħa għal Alla u għall-ħajja. Huma jistgħu jkunu mudell għall-koppji Maltin”. Fih wieħed isib il-ġrajjiet straordinarji li wettaq San Piju ma’ din il-familja.
Il-ktieb “Din hi l-Familja Tiegħi: (Patri Piju)” se jkun ippreżentat nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju waqt quddiesa konċelebrata fis-6pm, fil-Knisja parrokkjali tat-Trinità Qaddisa, il-Marsa, liema knisja nbniet mill-koppja Balbi u li dis-sena hi Ċentinarja.
Neputi tal-Venerabbli, PATRI SETTIMIO M. MANELLI, FI, ġej Malta għall-preżentazzjoni tal-ktieb flimkien ma’ Mons. Charles G. Vella u d-direttur tal-Gruppi ta’ Talb San Piju Patri Alfred Scerri OFM Cap. Patri Settimio huwa iben Pio, li flimkien ma’ martu għandhom seba’ wlied: tnejn saru saċerdoti u l-ħames bniet huma sorijiet. Pio huwa wieħed mit-tlettax-il ulied tal-koppja Venerabbli.
Tifel ieħor ta’ din il-koppja venerabbli hu Patri Stefano Maria Manelli, FI, li waqqaf il-“Kongregazzjoni Franġiskani tal-Immakulata”, liema kongregazzjoni ġiet approvata mis-Santa Sede nhar it-23 ta’ Ġunju, 1990. Din il-kongregazzjoni pjuttost żagħżugħa ġa għandha 500 saċerdot u numru kbir ta’ seminaristi, li jaħdmu f’bosta artijiet tal-missjoni. Padre Stefano waqqaf ukoll Kongregazzjoni tas-Sorijiet kif ukoll grupp ta’ sorijiet “Klariss” li jgħixu fi klawsura. Il-Kongregazzjoni hija ispirata mir-regola ta’ San Franġisk kif ukoll mill-ħajja ta’ San Massimiljanu Kolbe li nqatel min-Nazisti f’kamp tal-konċentrament.
Patri Stefano xtaq ħafna li jiġi Malta iżda floku bagħat lil neputih Patri Settimio li flimkien ma’ ħuh saċerdot, qegħdin f’din il-Kongregazzjoni.
PATRI SETTIMIO twieled f’Ruma fl-1972 u ġie ordnat saċerdot fl-1996. Huwa studja t-teoloġija bibblika fl-Istitut Franġiskan f’Ġerusalemm u kiseb id-dottorat fl-istudji bibbliċi mill-Università Pontifiċja Urbaniana fl-2002. Huwa lecturer fl-Iskrittura fi tliet fakultajiet differenti. Serva wkoll bħala kappillan f’parroċċa f’Ruma u bħalissa huwa r-Rettur tas-Seminarju fl-Istitut f’Sassoferrato (AN).
Il-pubbliku huwa mistieden għal din il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb waqt il-konċelebrazzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju, fis-6pm. Fi tmiem din il-konċelebrazzjoni se tingħata l-barka bir-relikwa ta’ ingwanta awtentika ta’ San Piju, li ngħatat bħala rigal lill-Mons. Vella mill-Patrijiet Kapuċċini ta’ San Giovanni Rotondo.
Kopji tal-ktieb “Din hi l-Familja Tiegħi: (Patri Piju)” jistgħu jinkisbu mingħand Patri Alfred Scerri OFM Cap (Kunvent tal-Marsa – mob. 79236714) jew mingħand ir-responsabbli tal-Gruppi tat-Talb San Piju.