-
-
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) stiednet lill‑kandidati Maltin fl‑elezzjoni għall‑Parlament Ewropew biex dawk li jiġu eletti jmexxu ’l quddiem il‑proposta tal‑KA ħalli, kemm f’Malta kif ukoll fl‑istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, iċ‑ċittadini jkollhom tassew sehem effettiv u f’waqtu fl‑għażla tal‑alternattivi li jkunu se jiġu studjati biex jintlaħqu l‑oġġettivi ta’ proposta ta’ żvilupp li tkun se tiġi ffinanzjata mill‑UE.
Il‑KA ħadet din l‑inizjattiva wara li fil‑5 ta’ Novembru 2018, fl‑okkażjoni tal‑Jum Dinji tal‑Ippjanar Urban, bagħtet proposta lill‑Kummissjoni Ewropea u lill‑President tal‑Parlament Ewropew dwar il‑bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni pubblika fil‑proċess tat‑tfassil tal‑Analiżi dwar l‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis) ta’ proġetti li jkunu se jiġu ffinanzjati mill‑UE, u li jkunu jeħtieġu tali analiżi taħt ir‑regolamenti tal‑UE.
Fit‑tweġiba tiegħu, il‑President tal‑Parlament Ewropew Antonio Tajani kien informa lill‑KA li l‑Parlament Ewropew iħaddan l‑istess veduti tal‑KA dwar l‑importanza li l‑komunitajiet lokali jkunu konsultati fi stadju bikri tal‑proġetti ffinanzjati mill‑UE. Il‑President Tajani tenna li kien għadda l‑proposta lir‑rapporteurs fi ħdan il‑Kumitat tal‑Iżvilupp Reġjonali li kienu qed jaħdmu fuq ir‑regolamenti għall‑programm finanzjarju tal‑Unjoni Ewropea li jkopri s‑snin 2021–2027. Hu esprima wkoll iċ‑ċertezza tiegħu li r‑rapporteurs kienu se jqisu l‑veduti tal‑KA fit‑tfassil tal‑pożizzjoni tal‑Parlament Ewropew dwar il‑futur tal‑politika ta’ koeżjoni.