-
-
Patri Effie Mallia OFM CAP inħatar bħala l-Ministru l-Provinċjal il-ġdid tal-Provinċja tal-Aħwa Kapuċċini Maltin.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Ministru Ġeneral tal-Aħwa Minuri Kapuċċini, Patri Mauro Johri, flimkien mal-Kunsill Ġenerali tiegħu.
Patri Effie Mallia twieled fil-11 ta’ Lulju 1951 fil-Marsa. Daħal mal-Ordni tal-Kapuċċini fil-11 ta’ Awwissu 1968 u għamel in-novizzjat tiegħu fil-kunvent tar-Rabat, Għawdex.
Aktar tard, fis-26 ta’ Ġunju 1977, għamel il-voti Perpetwi fi ħdan l-Ordni. Sena wara mbagħad, fit-12 ta’ Frar 1978, ġie ordnat saċerdot.
Wara l-Ordinazzjoni Sacerdotali mar Ruma biex jagħmel il-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.
F’Malta, Patri Effie wettaq ħidma pastorali bħala gwardjan ta’ diversi kunventi, viċi kappillan, Kappillan fil-Parrocci tat-Trinità l-Marsa u f’San Ġwann, fil-Kunsill Provinċjali u anke Vigarju Provinċjali.
Hu kien ukoll membru tal-fraternità tal-Kalkara fejn kien qed jaqdi l-ministeru ta’ Gwardjan u Direttur tal-Istudenti.