L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Din is-sentenza mill-Evanġelju li għadna kif smajna skont San Ġwann, fejn Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala r-ragħaj it-tajjeb, naraha tiġbor b’mod sabiħ ħafna l-ħajja ta’ San Girgor il-Kbir.

San Girgor għex ħafna snin ilu. Twieled għall-ħabta tas-sena 540. Kien imdaħħal mill-bidu fil-ħajja pubblika, kien minn familja nobbli, mal-ewwel kien impenjat fis-soċjetà fl-amministrazzjoni, u sar prefett ta’ Ruma. F’mument minnhom ried li jinqata’ biex imur għal ħajja monastika. Ir-raġuni kienet li ried imur lejn l-għajn li tmexxi l-ħajja tiegħu, jiġifieri r-rabta ma’ Alla permezz tat-talb, tal-meditazzjoni, u fis-skiet. Ma għamilx ħafna żmien hekk, għax il-Papa sejjaħlu biex ikun Ruma, u riedu mbagħad ikun legat tiegħu f’Kostantinopli. Iktar ’il quddiem, San Girgor ġie magħżul hu Papa, minkejja li ma xtaqx, imma bil-kunsens ta’ ħafna nies li xtaqu lilu. Nafu kemm għamel ġid bħala Papa f’diversi oqsma.

Il-ħajja tiegħu hi tant rikka li hemm ħafna x’titgħallem minnha. Se nsemmi tliet punti ta’ għajnuna għalina, għall-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Fittex ir-rieda ta’ Alla

San Girgor fittex dejjem li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, mhux sempliċiment ix-xewqat tiegħu. Kien minħabba f’hekk li minkejja li ried il-ħajja monastika, u kienet aktar togħġbu, meta nduna li kellu s-sejħa mill-Papa nnifsu, mar lura biex jimpenja ruħu fis-soċjetà fejn kien bniedem ta’ abbiltà kbira fl-amministrazzjoni u ġab ħafna dixxiplina. L-istess meta għażlu lilu Papa, ma xtaqx, ma riedx; imma meta nduna li din kienet ir-rieda ta’ Alla, qeda din is-sejħa b’tant fedeltà u dedikazzjoni u b’sens kbir ta’ missjoni. Nafu li dejjem fittex dak li ried Alla minnu u mill-Knisja tiegħu fil-mument partikolari tal-Istorja. Ta kontribut kbir, għax dejjem staqsa: x’irid Alla minni fis-sejħa li qed jagħmilli? Għalhekk fittex li jkun magħqud ma’ Alla fit-talb, li kien l-għajn li tagħtih il-qawwa biex jimxi wara Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb, u tgħinu jifhem il-kliem li qal Ġesù: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”. 

Dan hu messaġġ għalina lkoll. Ilkoll imsejħin biex nagħrfu dak li Alla jrid minna, u naqdu dil-missjoni b’fedeltà, min fi triq u min f’oħra. Mhux kulħadd l-istess, imma kulħadd importanti. Is-sabiħ hu li nfittxu fit-talb dak li Alla jrid minna. San Girgor jurina li anke f’mumenti diffiċli, u fl-aktar mumenti ibsin tal-ħajja, xorta tista’ tagħmel il-ġid. Ma kienx sempliċiment iħares lejn il-problemi ta’ madwaru, imma l-ħarsa tiegħu kienet fuq Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb, li jmexxih u li jiggwidah fil-ħajja tiegħu u qalb il-problemi tal-ħajja. Aħna wkoll, meta nħarsu madwarna, naraw ħafna problemi u diffikultajiet, li jtaqqluna u kultant inkunu diżappuntati. Imma l-ħarsa tagħna trid tkun fuq Ġesù li jagħtina l-enerġija li neħtieġu biex naqdu l-missjoni li Alla jrid minna b’fedeltà, bħalma għamel San Girgor.

Xandar il-Kelma

San Girgor baqa’ magħruf għat-tagħlim tiegħu, għall-kitbiet tiegħu. Insemmi l-Kummentarju fuq il-Morali fil-Ktieb ta’ Ġob, l-Omeliji fuq il-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, u speċjalment ir-Regula Pastoralis, li tagħti tant indikazzjonijiet importanti lill-Isqfijiet, u dak li kiteb hawn għadu jgħodd ħafna llum. F’dan kollu tara t-tagħlim li hu xerred b’dedikazzjoni kbira u b’impenn kbir. Kien jagħmel dan skont l-udjenza li kienet qed tisimgħu jew li ssegwi l-kitbiet tiegħu. Għalhekk illum nagħrfu kemm kellu influenza kbira mhux biss fi żmienu imma  tul is-snin. It-tagħlim tiegħu kien indirizzat biex in-nies jifhmu l-Kelma ta’ Alla, u jagħrfu kemm hi importanti għall-ħajja. 

Meta taqra l-ktieb Regula Pastoralis, tinduna kemm fehem tassew dak li hu essenzjali fil-missjoni tiegħu ta’ ragħaj, u kif fisser dan b’mod sabiħ ħafna biex in-nies setgħu jifhmuh. 

F’dan San Girgor għandu messaġġ għalina lkoll, għaliex aħna, għalkemm b’vokazzjonijiet differenti, kollha għandna din il-missjoni li nwasslu l-kelma ta’ Alla – min bil-kitba, min bil-kelma, u min personalment. Nixtieq li intom, li ħafna minnkom il-professjoni tagħkom hi fil-qasam tas-saħħa, twasslu kemm hu importanti t-tagħlim favur il-ħajja, proprju kif jgħid Ġesù: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”. Għalhekk li tiktbu u titkellmu fuq il-protezzjoni tal-ħajja umana f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha; u twasslu dan b’mod li n-nies jistgħu jifhmuh. Dan hu s-sabiħ tal-Kelma ta’ Alla: li nistgħu nifhmuha u ngħixuha, jekk tkun imwassla lilna b’mod li nifhmuha u nistgħu ngħixuha.

Kien qaddej tal-qaddejja ta’Alla

San Girgor kien l-ewwel wieħed li sejjaħ lilu nnifsu, bħala Papa, “il-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”. Dan hu titlu li baqa’ jintuża u għadu jintuża llum għall-Papa, u t-titlu preferut tal-Papa Franġisku. Hu l-isbaħ titlu għall-Papa, għax jekk immorru lura għal Ġesù, dak iż-żmien ma kienx hemm it-titli li kultant nisimgħu llum, bħal ta’ eminenza, eċċellenza, monsinjur, imma t-titlu preferut ta’ Ġesù kien dak ta’ qaddej, u kien jenfasizza li min imexxi għandu jkun qaddej.

Imma San Girgor jurina kif ma kienx biss titlu sabiħ dak ta’ qaddej, imma kien il-mod ta’ ħajja tiegħu. Fil-fatt fir-Regula Pastoralis, fl-aħħar parti, jitkellem fuq l-umiltà. Juri kemm hi importanti għal kulħadd, speċjalment għal kull min għandu xi forma ta’ awtorità jew responsabbiltà.

Dan hu messaġġ importanti għalina lkoll, għax aħna, kull wieħed u waħda minna, ilkoll għandna responsabbiltà – ta’ min tissemma fil-pubbliku u ta’ min ma tissemmiex. San Girgor iħeġġiġna biex ngħixu dan l-ispirtu ta’ qaddejja – hemmhekk inkunu qed naqdu r-responsabbiltà b’mod tajjeb, u nkunu qed ngħixu l-fidi Nisranija fil-qasam tax-xogħol tagħna.

Min hu fil-professjoni b’rabta mal-qasam tas-saħħa jista’ jifhem kemm hu sabiħ li taqdi. Mhux sempliċiment għax piż, imma ssib il-gost f’li taqdi, tkun kuntent u kuntenta li qed taqdi lin-nies, għax hemm inkunu nixbhu tassew lil Ġesù.

Ġebla fuq ġebla

Nitolbu f’din il-quddiesa biex San Girgor ikompli jimliena b’dan l-ispirtu, personalment imma anke bħala komunità.

Nixtieq insemmi b’mod partikulari din il-komunità li dis-sena qed tiċċelebra l-mitt sena mill-ewwel ġebla ta’ din il-knisja ta’ San Girgor. Staqsejt lill-kappillan fejn qiegħda l-ewwel ġebla, u wrieni ritratt antik u indikali fejn jaħsbu li qiegħda. X’turina l-ewwel ġebla? Hi qdiet il-funzjoni tagħha, fuqha u madwarha nbena l-ġebel l-ieħor; kull ġebla tat is-sehem tagħha biex ikun hemm din il-knisja sabiħa. Din turina li hekk tinbena l-komunità: billi kulħadd jagħti s-sehem tiegħu jew tagħha, min mod u min ieħor, bħala “ġebel ħaj”, biex tkun tassew komunità sabiħa, Knisja kif iridha Ġesù.

Nitolbu lil San Girgor il-Kbir biex din il-parroċċa ddedikata lilu tkompli tagħti xhieda tassew tal-ispirtu tiegħu bil-mod tal-għajxien tagħha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Ritratt ta’ sharkido