F’messaġġ waqt Quddiesa għall-attivisti tal-Moviment Żwieġ Bla Divorzju, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qal li xtaq li l-Knisja kienet f’pożizzjoni li tikkontribwixxi għajnuna finanzjarja akbar biex il-Moviment jinforma lin-nies bl-effetti ħżiena tad-divorzju: “Wettaqna dmirna meta kkontribwejna finanzjarjament biex ma jidħolx id-divorzju f’pajjiżna.”
L-Arċisqof irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex jiddefendu ż-żwieġ u l-familja matul il-kampanja referendarja u qal li xtaq juri l-apprezzament tiegħu lejn l-attivisti tal-Moviment u l-familji tagħhom li ħadmu b’tant sagrifiċċju biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. L-Arċisqof spjega li għalkemm il-Moviment Żwieġ Bla Divorzju kien moviment sekulari u awtonomu li ħadem indipendentament mill-Knisja, ħadem bħall-Knisja biex jinforma lin-nies favur iż-żwieġ dejjiemi.
“Tul il-kampanja referendarja, l-Moviment u l-Knisja qasmu l-istess ideal. Kien għalhekk li l-Knisja ħassitha fid-dmir li tagħti għajnuna finanzjarja lill-Moviment Żwieġ Bla Divorzju. Xtaqna konna f’pożizzjoni li nagħtu izjed. Iż-żwieġ dejjiemi u l-familja tant huma ta’ ġid għas-soċjeta’ u għeżież għalina li l-ebda kontribut finanzjarju ma jista’ jitqies bħala kbir biżżejjed biex tiddefendihom. Il-ġid li kien joħroġ kieku ma daħalx id-divorzju jizboq bil-bosta kull nefqa li saret bil-għan li d-divorzju ma jidħolx f’pajjiżna”, qal l-Arċisqof.
L-Arċisqof Cremona qal li l-Knisja kienet u tibqa fi dmir li tiddefendi ż-żwieg u l-familja kif ilha tagħmel għal sekli sħaħ. Il-ħidma tal-Knisja b’risq is-soċjeta’ Maltija, qal l-Arċisqof, ser tkompli tissaħħaħ anke wara r-referendum u l-introduzzjoni tad-divorzju. L-Arċisqof qal li din il-ħidma l-Knisja twettaqha mhux biss b’investiment finanzjarju kbir ħafna iżda wkoll b’kontribut li jwettqu mijiet ta’ voluntiera li jagħtu servizz professjonali fil-Moviment ta’ Kana u fil-parroċċi kollha biex iħejju lill-koppji għaż-żwieġ u jakkumpanjawhom matul il-ħajja miżżewwġa.
“Il-Knisja takkumpanja mill-qrib lill-familji Maltin fil-vjaġġ tal-ħajja tagħhom. Il-Knisja hija l-unika istituzzjoni fil-pajjiż li tħejji l-koppji għaż-żwieġ u hija dik li tagħti l-kenn lit-tfal li ma jkollhomx ambjent tajjeb fil-familja. Il-koppji mizzewġin li jgħaddu minn problema jsibu l-għajnuna tas-saċerdoti u tal-lajċi professjonisti li jaħdmu mal-Knisja. Eluf ta’ żgħażagħ jieħdu l-formazzjoni tagħhom mill-għaqdiet tal-Knisja. Qabel kull ħadd ieħor, il-Knisja offriet wens lill-membri tal-familja li jgħaddu minn diffikulta u tgħin fil-fejqan ta’ dawk li jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga. Qalb il-Knisja dejjem ħabbtet ma’ qalb il-familji Maltin, għalhekk ikkontribwejna finanzjarjament biex ma jidħolx id-divorzju”, qal l-Arċisqof.
L-Arċisqof Cremona appella mill-ġdid biex is-soċjeta’ tinvesti iktar għal żwiġijiet sodi u familji b’saħħithom għax kulħadd jaqbel li dan ifisser l-aħjar ambjent għall-ġid tal-koppja fiha nfsiha, tat-tfal u fl-aħħar mill-aħħar, tas-soċjeta’ kollha.