Photo by Ryutaro Tsukata on pexels.com

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ċensiment mad-dinja kollha” (Lq 2:1). Dan kien li ried l-Imperatur ta’ dak iż-żmien, Ċesari Awgustu. Ried jgħodd in-nies li kellu taħt il-ħakma tiegħu. U għalhekk għamel iċ-ċensiment, biex ikun jaf eżatt kemm nies kienu taħt il-poter tiegħu.

Jolqotna żgur il-kuntrast f’dan l-Evanġelju skont San Luqa, li jħejjina għat-twelid ta’ Ġesù, bejn iċ-ċensiment ta’ Ċesari Awgustu u, mill-banda l-oħra, is-sinjal li l-anġlu ta lir-rgħajja, meta qalilhom: “Tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Min-naħa hemm il-poter, hemm min irid jaħkem, hemm min irid jgħodd in-nies; imma mill-banda l-oħra hemm is-sinjal ta’ “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”. U dan hu, mhux l-ieħor, is-sinjal ta’ Alla li sar bniedem, Alla li ġie fostna biex lilna jifdina u jsalvana, biex lilna jurina l-akbar imħabba fil-Milied, li hu l-akbar storja ta’ mħabba.

Nixtieq li llum inħarsu lejn din it-tarbija “mfisqija u mimduda f’maxtura” u naraw x’tgħallimna għall-ħajja tagħna. Insemmi ftit minn dak kollu li nistgħu nitgħallmu.

L-imħabba

L-ewwel nett, din it-tarbija f’maxtura tgħallimna x’jiġifieri l-imħabba – kif Alla jħobb. Alla lilna ħabbna mhux mill-bogħod, imma billi sar bniedem bħalna, wieħed fostna. Hu wriena li l-imħabba tfisser din l-għotja – li tagħti lilek innifsek, għax tħobb.

Hu wriena li aħna lkoll maħbuba minn Alla, kull wieħed u waħda minna. U l-maxtura, minn fejn l-annimali kienu jsibu jieklu, hu bidilha biex tkun il-post fejn hu jingħata għalina, fejn jaqsam magħna l-akbar imħabba. It-tarbija fil-maxtura turina li aħna għeżież għal Alla. Għalik, għalija, għal kull wieħed u waħda minna Alla, sar bniedem. Għalih kull wieħed u waħda importanti. Għalih aħna m’aħniex numri, bħal min kien qed jagħmel iċ-ċensiment. Għalih aħna għeżież, għax maħluqin xbieha tiegħu.

Hu għallimna x’jiġifieri l-imħabba, u kif hemm insibu l-milja tal-ħajja tagħna: meta aħna nilqgħu din l-imħabba ta’ Alla f’ħajjitna, u ngħixu bl-istess mod tiegħu.

Is-sempliċità

It-tarbija fil-maxtura turina wkoll il-valur tas-sempliċità fil-ħajja. Alla jieħu pjaċir bis-sempliċità fil-ħajja. Ġesù daħal fl-istorja tal-umanità b’mod li ħadd mill-kbarat ma kien infurmat, imma fil-ħajja sempliċi tan-nies. Miegħu kellu lil Marija u Ġużeppi, li kienu nies ta’ ħajja ordinarja u sempliċi. U l-ewwel żjara lil Ġesù għamluha r-rgħajja ta’ Betlehem, li ma kinux nies ta’ pożizzjoni importanti fis-soċjetà, anzi kienu nies ta’ ħajja sempliċi u pjuttost imwarrba dak iż-żmien, nies fil-periferija. Kienu huma li l-ewwel li rċevew l-aħbar biex imorru jqimu lit-tarbija – Alla li twieled fostna, salvatur tagħna – u l-ewwel li daqu mill-imħabba ta’ Ġesù mwieled fostna, u xhieda tiegħu mal-oħrajn.

Alla jħobb is-sempliċità, u hu permezz taċ-ċkejknin u l-umli li hu jaħdem – b’kuntrast ma’ min hu mkabbar, b’kuntrast ma’ dawk li jaħsbu li huma ’l fuq minn ħaddieħor. Is-sempliċità tan-nies madwar Ġesù hi b’kuntrast man-nies ta’ dak iż-żmien li kellhom il-poter. Anke l-għorrief li ġew mill-bogħod biex iqimu lil Ġesù, ġew għax l-għerf ma telax għal rashom, l-intelliġenza li kellhom użawha biex ifittxu u jqimu lill-Messija, lil dak li seta’ jimla lil ħajjithom.

Il-paċi

It-tarbija f’maxtura turina l-valur tal-paċi fil-qalb. Din tolqotna ħafna fil-grotta ta’ Betlehem. Meta 800 sena ilu San Franġisk ħoloq il-presepju, għamlu biex iwassal dan il-messaġġ – dak li ħabbru l-qtajja tal-anġli meta qalu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (Lq 2:14)

Fil-grotta ta’ Betlehem hemm ħafna paċi li ma tistax tintered fl-art jekk l-ewwel ma tkunx fil-qalb. Marija u Ġużeppi huma dawk li fittxew li jogħġbu lil Alla, u qalb it-tbatija kollha li għaddew minnha biex seta’ jitwieled Ġesù, kellhom ħafna paċi f’qalbhom. Din il-paċi kienet f’kuntrast ma’ dawk in-nies, ibda minn Erodi ftit wara t-twelid ta’ Ġesù, li raw fih theddida u riedu jeliminawh. Erodi kellu ħafna affarijiet taħt il-ħakma tiegħu, imma ma kellux il-paċi f’qalbu.

Dan hu messaġġ qawwi għal żmienna b’mod partikulari bħalissa, fejn qed naraw fl-istess post fejn twieled Ġesù u viċin tiegħu xeni ta’ ġlied, ta’ vjolenza, ta’ mibegħda, ta’ disprezz lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Meta llum inqimu t-tarbija ta’ Betlehem, ma nistgħux ma niftakrux f’kemm nies sfaw u qed jisfaw vittmi, fosthom ħafna tfal u trabi.

Hi sitwazzjoni tal-biki. Kont qed naqra dan l-aħħar storja ta’ qsim il-qalb – omm li f’Gaża għamlet sinjal, marka fuq it-tarbija tagħha. Ir-raġuni? Biex jekk tispiċċa maqtula ma’ oħrajn, tkun taf liema waħda hija tagħha ħalli tista’ tidfen it-tarbija tagħha. Ara f’liema krudeltà u sitwazzjoni iebsa qed jgħixu dawn in-nies, li diversi minnhom jixtiequ jistgħu jiċċelebraw bħalna t-twelid ta’ Ġesù. Għalhekk niftakru f’dawn in-nies, u f’diversi postijiet oħra fid-dinja, bħall-Ukrajna u postijiet oħra li ma tantx jissemmew, fejn hemm tant vittmi.

Illum nieħdu wkoll tagħlima importanti għal ħajjitna: meta ma jkollniex il-paċi f’qalbna, intellfu wkoll il-paċi tal-oħrajn. Il-paċi f’qalbna tgħinna biex inkunu strumenti tal-paċi tal-Mulej.

Stedina

It-tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura tagħmlilna stedina. Hi qatt ma għandha f’idejha l-mezzi biex iġġiegħel lil ħaddieħor jagħmel xi ħaġa. Il-kontra tal-imperatur, li kellu s-setgħa biex jinforza d-digriet tiegħu, it-tarbija ma tisfurzax lilna. Tistedinna. Meta twieldet f’Betlehem, ħafna nies jew irrifjutawha jew injorawha. Fi żmienna, jiġri l-istess. Minna jiddependi, imma aħna nafu li jekk nilqgħu lil din it-tarbija, ħajjitna tkun ħafna u ħafna isbaħ u s-soċjetà tkun ħafna u ħafna aħjar.

Nitolbu lill-Mulej imwieled f’Betlehem illum: imlielna ħajjitna bl-imħabba tiegħek, bis-sempliċità tiegħek u bil-paċi fil-qalb, u għamilna tassew xhieda tal-ħajja ġdida li ġġib int.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju