Photo by Josh Willink on pexels.com

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Dal-lejl diversi minna konna miġburin hawnhekk fil-knisja, nifirħu bit-twelid ta’ Ġesù. Kien hemm atmosfera sabiħa ħafna bis-sehem ta’ tfal u żgħażagħ fir-rappreżentazzjoni tal-Milied, il-kant tal-għanijiet tal-Milied, il-prietka tat-tifel. Kienet okkażjoni ta’ festa.

Imma fl-istess ħin, lanqas elfejn kilometru ’l bogħod minn hawn, sebgħin ruħu inqatlu. Proprju fil-lejl tal-Milied, f’kamp tar-refuġjati, fosthom numru ta’ tfal. Hija sitwazzjoni verament ta’ uġigħ u ta’ niket meta tara dan il-post li lanqas hu mitt kilometru ’l bogħod minn Betlehem fejn twieled Ġesù, u fejn kontinwament qed jinqatlu n-nies. Hija l-kontra ta’ dak li niċċelebraw fil-ġrajja tal-Milied.

Fejn hi l-bidla li ġab Ġesù?

Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel meta naraw dan iseħħ – u ma’ dawn hemm tant nies f’diversi postijiet oħra li għaddejjin minn tbatija, bħall-Ukrajna, u postijiet oħra – il-mistoqsija hija din: proprjament x’bidel Ġesù meta ġie u twieled fostna? X’bidla ġab? Jekk tara fi żmienu, kien hemm il-vjolenza, il-ġlied, il-korruzzjoni, il-frodi, l-immoralità, nies disonesti. U warajh, elfejn sena wara li twieled Ġesù, baqa’ ħafna minn dan ukoll. Kultant ikun hawn min jgħid li iżjed, imma jista’ jkun li dan hu minħabba li llum aktar konxji minn dak li qed jiġri kullimkien. Imma l-mistoqsija hija: x’bidla ġab Ġesù meta ġie fostna – Alla li sar bniedem fostna?

Ir-risposta hi fl-Evanġelju tal-lum, fil-bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann, meta jispjega dan il-misteru kbir li Alla li mkien ma jesgħu, li kollox sar bih, għażel li jiġi tarbija fostna. U jagħmel kuntrast. Jgħid “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw1:11). U dan li jgħid San Ġwann jaqbel ma’ dak li hemm fl-Evanġelju skont San Luqa, meta Marija u Ġużeppi kienu qed ifittxu post fejn seta’ jitwieled Ġesù, u ma sabux: “Ma kienx hemm post għalihom” (Lq 2:7). Ġesù ġie rifjutat jew injorat minn diversi nies fl-istess twelid tiegħu. Imma San Ġwann ikompli, u hawn hu l-kuntrast: “Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12).

Il-kuntrast

Hu jagħmel il-kuntrast bejn dawk li ma laqgħuhx u dawk li laqgħuh. Nafu l-ftit nies li laqgħuh fil-bidu fit-twelid tiegħu – hemm Marija u Ġużeppi, hemm ir-rgħajja, u aktar tard il-Maġi. Dawn in-nies laqgħuh, għarfuh bħala Alla magħmul bniedem li ġie biex isalvana – is-salvatur tagħna. U l-preżenza ta’ Ġesù mliet lil qalbhom bil-paċi u l-ferħ. Araw il-kuntrast bejn min jilqa’ lil Alla magħmul bniedem u min le.

Dal-kuntrast kien diġà jeżisti qabel Ġesù. Fil-fatt, aħna nsemmu ħafna l-maxtura fil-grotta ta’ Betlehem, imma l-idea ta’ maxtura tissemma fit-Testment il-Qadim, fil-bidu tal-ktieb tal-Profeta Isaija: “Il-gendus jagħraf lil sidu, il-ħmar il-maxtura ta’ sidu, imma Israel ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx” (Is 1:3).  Hemm diġà dan il-kuntrast bejn min jilqa’ lil Alla u min le.

Dak hu l-messaġġ importanti li tagħtina din it-tarbija mwielda Betlehem. Hemm tant vulnerabilità fit-tarbija li twieldet. L-istedina li tagħmlilna hi biex aħna lil Alla nilqgħuh. Meta nilqgħuh, u jkollna tassew il-paċi ta’ Ġesù f’qalbna, imbagħad nistgħu naraw id-differenza kbira li għamel it-twelid ta’ Ġesù fostna. Kien att kbir ta’ mħabba li Alla għażel li jsir wieħed minna. Ma salvaniex mill-bogħod, imma sar wieħed minna, f’kollox bħalna minbarra d-dnub, biex lilna jsalvana. Din hi l-bidla kbira li ġab it-twelid ta’ Ġesù fostna. Mhijiex bidla imposta, imma bidla minn ġewwa, frott ta’ stedina.

Il-bidla tidher fil-ħajja ta’ tant nies

Bħalma naraw ħafna ħażen madwarna, naraw ħafna tajjeb. Naraw ħafna nies li jkunu ispirati, imqanqlin mill-imħabba ta’ Ġesù u dan mhux biss jimlielhom qalbhom imma jgħinhom biex ixerrdu din l-imħabba mal-oħrajn. Aħna għandna diversi eżempji ta’ dan. Min jitqaddes u jilqa’ l-ispirtu tiegħu, jista’ jkun hu stess u hi stess li jxerrdu din l-imħabba.

Nixtieq insemmi x’qed jiġri llum stess, dal-ħin, fil-Knisja f’Malta. Hemm mijiet ta’ nies qed jinġabru fil-Kurja għall-ikla organizzata mill-Caritas, nies li wħud minnhom kieku jkunu waħedhom f’din il-ġurnata tal-Milied, imma minflok se jkollhom ambjent fejn jieħdu pjaċir ma’ ħaddieħor. Ma’ din l-inizjattiva, proprju bħalissa hemm għadd sew ta’ ikliet li qed jitqassmu f’diversi parroċċi lill-familji fil-bżonn, uħud minnhom fqar. F’dan kollu hemm ħafna voluntiera żgħażagħ – li qed ixerrdu din l-imħabba fost l-oħrajn. Il-bidla li ġab Ġesù bit-twelid tiegħu taraha fil-ħajja ta’ tant nies li mimlija bl-imħabba tiegħu, iwasslu din l-imħabba lill-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej li aħna nkunu fost dawk li jsemmi San Ġwann fl-Evanġelju li nilqgħu lill-Mulej. Nilqgħu fina l-imħabba tiegħu biex nistgħu nxerrduha mal-oħrajn, u nagħmlu dan kemm fil-Milied imma wkoll tul is-sena kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju