Nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu 2023, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr f’għeluq l-10 snin mill-elezzjoni tal-Papa Franġisku fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fid-9:30am.
Il-Papa Franġisku ġie elett fit-13 ta’ Marzu 2013 u beda uffiċjalment il-ministeru pastorali tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali fid-19 ta’ Marzu 2013, fis-Solennità ta’ San Ġużepp.
Kulħadd mistieden jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni u jirringrazzja lil Alla ta’ dan id-don kbir li ta lill-Knisja tiegħu, u tal-ġid kbir li għamel il-Papa Franġisku tul dawn is-snin. Is-saċerdoti li ma jkunux impenjati f’ħidma pastorali dak il-ħin huma mistiedna jikkonċelebraw f’din il-quddiesa. Il-kongregazzjonijiet reliġjużi, l-għaqdiet u l-movimenti huma mħeġġa wkoll biex jattendu.
Nitolbu għall-Papa Franġisku biex il-Mulej jagħtih il-qawwa u l-għajnuna ħalli jkompli jaqdi l-missjoni tiegħu b’dedikazzjoni u b’ġenerożità.