L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Lil dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna, bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Apok1:5-6). Dawn il-kliem mill-Apokalissi ta’ San Ġwann li qrajna llum nixtieq nipproponihom lilna s-saċerdoti, b’mod speċjali, f’dan il-jum li fih il-Knisja tibda tiġġedded bit-tberik taż-żjut qaddisa. Aħna nġeddu l-impenn saċerdotali tagħna u mil-lejla sal-Għid qaddis tal-Mulej, fit-Tridu tal-Għid, ngħixu mill-qrib dik l-iskola tal-imħabba u ħniena li għallimna Ġesù.

Ejjew niskopru lil Ġesù ta’ Nazaret, li jħabbar il-programm tiegħu bħala programm ta’ ħelsien, illuminazzjoni, ta’ faraġ u ferħ. Ejjew nagħrfu fih “dak li ħabbna” (Apok1:5), ħabbna fil-misteru tal-ħolqien, bħala l-Verb li bih Alla ħalaq kollox, ħabbna fil-misteru tal-magħmudija tagħna, li bih sejħilna mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, ħabbna fil-misteru (u aħna lkoll nafu kemm hu misteru kbir) tal-vokazzjoni saċerdotali tagħna.

Imma llum rridu nikkonfermaw ukoll b’umiltà u b’sens ta’ realiżmu li f’Ġesù ma nsibux biss dak li ħabbna imma wkoll dak li ħallna, u kontinwament iħollna, minn dnubietna għax din l-ammissjoni umli, realistika, konkreta, iġġibna quddiem Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ tagħna. U t-tabib għandhom bżonnu dawk kollha li jagħrfu li jeħtieġu l-fejqan. Aħna forsi faċli iżjed ngħidu li l-Mulej ħabbna imma inqas faċli nammettu li għandu bżonn u li fil-fatt li kontinwament iħollna minn dnubietna.

Illum, aħna u nġeddu l-fedeltà tagħna lejh, nagħmlu hekk bl-umiltà kollha. Inġeddu l-fedeltà tagħna lejn dak li ħabbna u li kontinwament hemm bżonn, u għandna bżonn li jħollna minn dnubietna, mill-infedeltajiet tagħna, min-nuqqas ta’ ħeġġa tagħna, forsi mill-preżunzjoni tagħna. U dan kollu jagħmlu bis-saħħa ta’ demmu.

Illum nitolbu lill-Mulej jeħlisna minn kull element ta’ possessività, dominju, awtorità msejsa fuq il-vanaglorja jew il-kilba għall-poter għax aħna qaddejja tal-merħla li mhijiex tagħna.

Aħna s-saċerdoti, għeżież ħuti, magħżula minkejja dnubietna biex nikkonsagraw il-ħobż u l-inbid li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u l-Kelma tal-Mulej, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Id-demm ta’ Ġesù mxerred għalina u hekk iħollna minn dnubietna. Aħna wkoll għandna l-privileġġ li f’ismu nħollu minn dnubiethom lil ħutna u għandna bżonn lil xulxin biex ninħallu mid-dnubiet tagħna.

Il-Mulej fl-għerf tiegħu ħelisna minn kull awtoreferenzjalità. Bħall-barbier li diffiċli jaqta’ xagħru u jiġi pulit, hekk ukoll aħna għandna bżonn il-ministeru ta’ ħutna s-saċerdoti biex il-Mulej jeħlisna minn dnubietna.

“Għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu” (Apok 1:6) mhux għalina nfusna imma għal Alla, Alla ta’ Ġesù u missieru. Aħna għalhekk imsejħin u dan jagħtina mhux biss sens ta’ identità imma sens ta’ missjoni. Meta l-Mulej Irxoxt lil Pietru jitolbu għal tliet darbiet l-istqarrija tal-imħabba u r-rieda tajba tiegħu u Pietru mriegħed u mriegħex, jgħidlu: “Sinjur, inti taf, inti taf li jiena nħobbok” (Ġw 21:17). Ġesù jagħtih il-missjoni li jirgħa, li jkun ragħaj imma jfakkru: “Irgħa l-ħrief tiegħi, in-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:15-19).

Aħna llum nitolbu lill-Mulej jeħlisna minn kull element ta’ possessività, ta’ dominju, ta’ awtorità msejsa fuq il-vanaglorja jew fuq il-kilba għall-poter għax aħna qaddejja, qaddejja tal-merħla li mhijiex tagħna. Aħna qassisin għal Alla ta’ Ġesù u missieru. Imma aħna wkoll qaddejja.

L-aħħar ħsieb: nixtieq naqsam magħkom u stedina mill-qalb. Ġesù għamel mistoqsija fundamentali meta tkellem fuq l-għalqa, il-ħsad u l-ħaddiema. U qal: “Imma tgħid ikun hemm ħaddiema biżżejjed għall-ħsad?”

U l-kelmiet li tana hu dak li nixtieq nafda lil kull wieħed minna imma anki lill-poplu t’Alla kollu, allura lil kull wieħed u waħda minna. “Itolbu mela, rogate ergo” (Lq 10:2). U aħna nitolbu bil-ħniena biex il-Mulej ikompli jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Il-ħsad hu kbir imma l-ħaddiema ftit u donnhom qed ikomplu jonqsu. Imma l-ħaddiema naqilgħuhom bħala d-don tal-ħniena ta’ Alla.

Itolbu mela u l-kunsinna li nixtieq nagħmel lili nnifsi u lilkom ħuti llum, fil-Quddiesa tal-Griżma f’Ħamis ix-Xirka hi li aħna qabel ma naqtgħu qalbna, qabel ma naqtgħu kull tama, niddedikaw iżjed ħin għat-talb. L-ewwel nett it-talb personali li hu l-intimità tiegħi ma’ Alla ta’ Ġesù Kristu. “Tħobbni int?  Sinjur, inti taf, inti taf li jiena nħobbok” (Ġw 21:17). Imma wkoll it-talb ta’ interċessjoni għall-poplu qaddis ta’ Alla, għaż-żgħażagħ tagħna, biex il-Mulej ikompli jsejjaħ u jkompli jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

Suġġeriment ċkejken. Tradizzjonalment, almenu mis-seklu 17, l-ewwel Ġimgħa tax-xahar hu l-jum dedikat għad-devozzjoni tal-imħabba ta’ Ġesù għalina, għall-qalb ta’ Ġesù, għall-persuna tiegħu. Jgħidilna tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli. Hu l-jum tat-tenerezza ta’ Ġesù, il-jum tal-manswetudni tiegħu, il-jum tal-umiltà tiegħu. U f’dan il-jum għażiż għad-devozzjoni popolari, ispirata minn Paray-le-Monial u mid-dehriet ta’ Ġesù lil Santa Maria Margherita Alacoque, ejjew aħna s-saċerdoti nagħmlu t-talba ħerqana għall-vokazzjonijiet, saċerdotali qabelxejn. U allura anki fil-parroċċi nitlob lill-kappillani tagħna, mid-djar tar-reliġjużi tagħna b’mod speċjali fil-knejjes miftuħin għall-pubbliku, biex kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar ikollna mument ta’ adorazzjoni, imqar fis-skiet, imma bl-intenzjoni speċjali għall-vokazzjonijiet.

Aħna nissapportjaw lil kull min fid-djoċesi għandu l-missjoni jaħdem għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet imma l-ebda għemil u ħidma tagħna mhi se tħalli l-frott jekk ma tkunx imsoqqija mit-talb, mit-talb fiduċjuż f’Alla l-imbierek li ħabbna u ħallna minn dnubietna, għaliex aħna nifhmu wkoll għax nafu n-narrattiva tal-vokazzjonijiet ta’ kull wieħed minna, li llum nitlob għall-vokazzjonijiet u l-frott tat-talb tiegħi jaħsdu ħaddieħor. Imma dan m’għandux jaqtagħalna qalbna għax il-ħsad mhux tagħna. L-għalqa mhux tagħna. Aħna qaddejja.

Kif Nagħman, quddiem il-profeta jisma’ l-frażi: “Trid tfiq? Mur inħasel seba’ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek.” Nagħman iżda saħan u telaq … Jaqaw Abana u Farfar, ix-xmajjar ta’ Damasku, mhumiex aħjar mill-ilmijiet kollha ta’ Iżrael? Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?” (2 Slaten 5:10-12). Iżda l-qaddejja qalulu: “Missier, li kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha?” (2 Slaten 5:13). Jiġifieri, għax talbu ġest umli se jissuppervja? U Ġesù jitlobna din il-fiduċja. Itolbu, itolbu mela.

Ejjew nilqgħu t-talba u l-istedina tal-imgħallem. Aħna nafu kemm il-ħsad hu kbir. Nafu kemm il-ħaddiema huma ftit. Imma nafu wkoll il-kelma li qalilna Ġesù li ħabbna u ħallna minn dnubietna. “Itolbu mela lil Sid il-ħsad” (Lq 10:2).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 61:1-3a,6a,8b,9
Salm: 88(89):21-22,25,27
Qari II: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Lq 4:16-21

Aktar ritratti