Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum l-udjenza kienet maħsuba għal barra fil-Pjazza, imma minħabba x-xita ġiet ittrasferita għal hawn ġew. Huwa minnu li se tkunu xi ftit imgeddsin, imma tal-inqas ma nixxarrbux! Grazzi tal-paċenzja tagħkom.

Il-Ħadd li għadda smajna r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej. Għat-tbatijiet li jġarrab, Ġesù jwieġeb b’virtù li, imqar jekk mhix ikkontemplata fost dawk tradizzjonali, hi importanti ħafna: il-virtù tas-sabar. Din tfisser il-mod kif wieħed jissaporti dak li jġarrab bi tbatija: mhux ta’ b’xejn il-kelma paċenzja għandha l-istess għeruq ta’ passjoni. U proprju fil-Passjoni toħroġ il-paċenzja ta’ Kristu, li bi ħlewwa u manswetudni jaċċetta li jiġi arrestat, mogħti d-daqqiet ta’ ħarta u kkundannat inġustament; quddiem Pilatu ma jilmentax; iġarrab it-tagħjir, il-bżieq u s-swat tas-suldati; iġorr il-piż tas-salib; jaħfer lil min isallbu mal-għuda, u fuq is-salib ma jweġibx għall-provokazzjonijiet, imma joffri l-ħniena. Dan hu s-sabar ta’ Ġesù. Dan kollu jgħidilna li s-sabar ta’ Ġesù ma jikkonsistix f’xi reżistenza stojka fit-tbatija, imma huwa l-frott ta’ mħabba ikbar.

L-Appostlu Pawlu, fl-hekk imsejjaħ “Innu lill-imħabba” (ara 1 Kor 13:4-7), jgħaqqad b’mod strett flimkien imħabba u sabar. Fil-fatt, meta jiddeskrivi l-ewwel kwalità tal-imħabba, jinqeda b’kelma li nistgħu nittraduċuha “ġeneruż”, “paċenzjuż”. L-imħabba hi qalbha kbira, tistabar. Din tesprimi kunċett tal-għaġeb, li spiss insibuh fil-Bibbja: Alla, quddiem l-infedeltà tagħna, juri li “jdum biex jagħdab” (ara Eż 34:6; ara Num 14:18): flok jiżvoga l-istmerrija tiegħu għall-ħażen u d-dnub tal-bniedem, juri ruħu ikbar, dejjem lest biex kull darba jerġa’ jibda mill-ġdid magħna b’sabar bla tarf. Din għal Pawlu hi l-ewwel karatteristika tal-imħabba ta’ Alla, li quddiem id-dnub tipproponi l-maħfra. Imma mhux biss: din hi l-ewwel karatteristika ta’ kull imħabba kbira, li taf twieġeb għall-ħażen bit-tjieba, li ma tingħalaqx fir-rabja u fil-qtugħ ta’ qalb, imma tippersevera u terġa’ tibda mill-ġdid. Is-sabar li jerġa’ jibda mill-ġdid. Għalhek, fl-għeruq tal-paċenzja hemm l-imħabba, kif jgħid Santu Wistin: “Wieħed ikun iktar b’saħħtu biex iġarrab kull ħażen, daqskemm fih hi kbira l-imħabba ta’ Alla” (De patientia, XVII).

Mela nistgħu ngħidu li ma hemmx xhieda aqwa tal-imħabba ta’ Ġesù milli meta niltaqgħu ma’ Nisrani paċenzjuż. Imma ejjew naħsbu wkoll f’kemm ommijiet u missirijiet, ħaddiema, tobba u infermiera, morda li ta’ kuljum, fis-satra, isebbħu d-dinja b’sabar qaddis! Kif tgħid l-Iskrittura, “min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni” (Prov 16:32). Madankollu, irridu nkunu onesti: spiss tonqosna l-paċenzja. Fil-ħajja ta’ kuljum ma għandniex paċenzja, ilkoll kemm aħna. Għandna bżonn tagħha bħal “vitamina essenzjali” biex inkomplu għaddejjin, imma donnu fl-istint tagħna li nitilfu s-sabar u nwieġbu għall-ħażen bil-ħażen: diffiċli nibqgħu kalmi, nikkontrollaw l-istint, inrażżnu fina tweġibiet koroh, inxejnu t-tilwim u l-ġlied fil-familja, fuq ix-xogħol jew fil-komunità Nisranija. Dritt tiġi t-tweġiba, m’aħniex kapaċi nistabru.

Imma niftakru li s-sabar mhuwiex biss ħtieġa, hu sejħa: jekk Kristu hu paċenzjuż, in-Nisrani hu msejjaħ ikun paċenzjuż. U dan jitlob minna li mmorru kontra l-kurrent tal-mentalità li llum hi mifruxa sew, fejn jiddominaw l-għaġla u l-“kollox issa”; fejn, flok ma nistennew li s-sitwazzjonijiet jimmaturaw bil-mod, inrossu lill-persuni, u nippretendu li jinbidlu mill-ewwel. Ma ninsewx li l-għaġla u n-nuqqas ta’ sabar huma għedewwa tal-ħajja spiritwali. Għaliex? Alla huwa mħabba, u min iħobb ma jegħjiex, mhux bla sabar, ma jagħtix ultimatums, Alla jistabar, Alla jaf jistenna. Naħsbu fir-rakkont tal-Missier ħanin, li jistenna lil ibnu li telaq mid-dar: ibati b’sabar, l-unika ħaġa li ma jiflaħx jistenna hi li jgħannqu miegħu malli jarah ġej lura (ara Lq 15:21); jew ejjew naħsbu fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, bil-Mulej li ma għandux għaġla biex jaqla’ l-ħażin qabel iż-żmien, ħalli xejn ma jintilef (ara Mt 13:29-30). Is-sabar iridna nsalvaw kollox.

Imma, ħuti, kif nagħmlu biex nikbru fis-sabar? Billi, kif jgħallem San Pawl, dan hu frott tal-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5:22), irridu nitolbuh sewwasew lill-Ispirtu ta’ Kristu. Hu jagħtina l-qawwa umli tas-sabar – hu qawwa umli s-sabar –, għax “il-virtù Nisranija mhux biss tagħmel il-ġid, imma taf ukoll tistabar bid-deni” (Santu Wistin, Diskorsi, 46,13). Speċjalment f’dawn il-jiem nagħmlu tajjeb nikkontemplaw il-Kurċifiss biex minnu nixorbu s-sabar. Taħriġ sabiħ hu wkoll dak li neħdulu quddiemu l-persuni li l-aktar idejquna, u nitolbu l-grazzja li npoġġu fil-prattika magħhom dik l-opra tal-ħniena tant magħrufa u daqshekk ieħor ittraskurata: stabar b’min idejqek. U mhix faċli. Ejjew naħsbu aħniex nagħmluh dan: li nissaportu bis-sabar il-persuni li jdejquna. Nibdew billi nitolbu li nħarsu lejhom b’kompassjoni, bil-ħarsa ta’ Alla, u nagħrfu nagħżlu l-uċuħ tagħhom mill-iżbalji tagħhom. Aħna mdorrijin nikkatalogaw il-persuni skont l-iżbalji li jagħmlu. Le, din mhix ħaġa tajba. Infittxu l-persuni għall-uċuħ tagħhom, għall-qalb tagħhom u mhux għall-iżbalji tagħhom!

Fl-aħħar nett, biex nikkultivaw is-sabar, virtù li tagħti nifs lill-ħajja, tajjeb li nwessgħu ħarsitna. Ngħidu aħna, ma nillimitawx il-kamp tad-dinja għall-gwaj tagħna, kif jistedinna nagħmlu l-Imitazzjoni ta’ Kristu: “Għandek mela ġġib quddiem għajnejk it-tbatijiet ħorox li jsofri ħaddieħor, biex tiegħek tħosshom ħfief”, u jfakkarna li “bniedem ta’ paċenzja… ebda ħaġa, avolja ċkejkna, ma tkunlu mingħajr mertu quddiem Alla” (III, 19). U mill-ġdid, meta nħossuna taħt il-morsa tal-prova, kif jgħallem Ġob, tajjeb ninfteħu bit-tama għall-ġdid li jibgħat Alla, fil-fiduċja sħiħa li hu ma jħalliniex nittamaw għalxejn. Is-sabar ifisser li tagħraf iġġarrab il-ħażen. 

U hawn illum, f’din l-udjenza, hawn żewġ persuni, żewġ missirijiet: wieħed Iżraeljan u l-ieħor Għarbi. It-tnejn tilfu lil uliedhom bniet f’din il-gwerra u t-tnejn huma ħbieb. Ma jħarsux lejn it-tilwim tal-gwerra, imma jħarsu lejn il-ħbiberija ta’ żewġt irġiel li jridu l-ġid lil xulxin u li għaddew mill-istess tislib. Naħsbu f’din ix-xhieda tant sabiħa ta’ dawn iż-żewġ persuni li batew fi wliedhom il-gwerra tal-Art Imqaddsa. Għeżież ħuti, grazzi tax-xhieda tagħkom!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard