L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann li bdejna l-qari tiegħu llum fl-ewwel 10 versi, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-bieb. Diversi drabi f’dawn l-ewwel 10 versi tal-kapitlu 10, il-Mulej jinsisti li huwa l-bieb ta’ dan l-ispazju, ta’ dan il-maqjel fejn hu jindokra n-nagħaġ tal-merħla tiegħu.

Meta wieħed jifhem x’qed jipprova jispjega Ġesù, fil-fatt fl-ewwwl parti ta’ din is-silta jagħtina tixbihat qawwija ħafna, u min semgħu jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Ġwann, ma fehmux – ma fehmux x’ried jgħidilhom. Hu jerġa’ jinsisti. Fit-tieni parti tal-Evanġelju tal-lum Ġesù donnu ma jaqtax qalbu, jerġa’ jinsisti anzi b’mod l-iżjed solenni: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien” (Ġw 10:7). Immaġinaw ftit dan il-maqjel li għandu fetħa ċkejkna li m’għandhiex bieb la tal-ħadid u lanqas tal-injam imma bil-lejl meta l-merħla tkun trid tiġi indukrata minn xi ħadd kontra l-ħallelin, il-briganta, l-ilpup, huwa r-ragħaj stess li joqgħod f’din il-fetħa li minnha joħorġu u jidħlu n-nagħaġ, u hu jsir il-bieb.

L-ewwel ħaġa li tgħallimna dwar Ġesù din it-tixbiha li Ġesù stess juża għalih innifsu, huwa li hu huwa l-garanzija tas-sikurezza tagħna. Ir-ragħaj isir il-bieb tal-maqjel fejn jindokra n-nagħaġ tiegħu billi hu stess jilqa’ l-attakki kontra l-merħla tiegħu. Bl-Ingliż hemm espressjoni qawwija: ‘over my dead body’. U Ġesù ta ħajtu biex aħna nsalvaw, ta ħajtu biex jiddefendina kontra n-nasba u n-nassa tax-xitan.

Meta jgħid li huwa l-bieb, jinsisti wkoll li aħna se nersqu lejn il-ħniena ta’ Alla, is-salvazzjoni tagħna, il-fejqan spiritwali tagħna permezz tiegħu. It-tagħlim tal-Knisja f’dawn l-aħħar 50 sena żviluppa ħafna anke meta nikkunsidraw persuni ta’ rieda tajba, li għalkemm għadhom ma għarfux lil Ġesù, qegħdin ifittxu l-verità. Kull min fid-dinja b’rieda tajba, b’intenzjoni tajba qiegħed ifittex lil Alla ħaj u veru, qed jersaq lejh permezz ta’ Ġesù li għadu forsi ma għarfux imma mingħajr ma jaf għadu qed ifittxu.

Il-Mulej jinsisti wkoll li minflok ir-ragħaj li joqgħod bħala l-bieb tal-maqjel u jiddefendi l-merħla tiegħu, jista’ jkun hemm min jidħol biex jisraq u joqtol u jeqred. Sfortunatament illum ukoll huwa dover tagħna nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba fil-Knisja min suppost huwa l-bieb li jipproteġi n-nagħaġ isir dak li jisraq u joqtol u jeqred.

Nixtieq insellem lil tant saċerdoti li f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli għal kulħadd, qegħdin jagħmlu kulma jistgħu biex jibqgħu qrib il-poplu tagħna.

U llum imdawlin minn din il-kelma ta’ Ġesù ma nistgħux ma ninsistux miegħu bħalma qalilna: “Itolbu, itolbu biex hu fil-ħniena tiegħu jibgħat ragħajja li jkollhom il-qalb tiegħu, il-kuraġġ tiegħu, li jkunu l-bieb tal-maqjel fejn hemm in-nagħaġ”.

Ejjew nitolbu għall-vokazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi li għaddejjin minnhom ħafna nies, inkluż iż-żgħażagħ tagħna, forsi jifhmu x’inhu dak l-iżjed importanti fil-ħajja u kemm il-ħajja taf toffrilna affarijiet ilellxu imma li huma frugħa. F’dawn il-mumenti li forsi fihom għandna ċans iżjed nirriflettu, jiena nixtieq nipproponi liż-żgħażagħ li qegħdin isegwuni, biex jirriflettu fuq it-togħma tajba li l-Mulej jixtieq jagħti lil ħajjithom. Qed jagħżel uħud minnkom, għeżież żgħażagħ, biex tkunu saċerdoti u reliġjużi. Jixtieq li hu jkollu nies li jiddefendu l-merħla tiegħu għax il-merħla mhijiex tagħna, il-merħla hija tiegħu.

“Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa imma issa erġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħkom” (1Pt 2:25). Hekk jgħid San Pietru fis-silta sabiha li qrajna fit-Tieni Qari. Huwa ragħaj u għassies. Minn din il-kelma ‘għassies’ ġejja wkoll il-kelma li nużaw għall-Isqfijiet tagħna, għal dawk li huma viġilanti, li jħarsu sew, li jgħassu biex jiddefendu l-merħla. Ejjew nitolbu biex aħna li nfdejna bid-demm għażiż ta’ Ġesù, ikollna min iwassalna lejn il-mergħat ta’ dejjem.

Aħna għandna ħafna saċerdoti anzjani. Jiena nixtieq insellmilhom anke f’dan il-mument fejn ħafna minnhom ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom u jkunu qaddejja tal-poplu kif jixtiequ. Nixtieq insellem lil tant saċerdoti li f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli għal kulħadd, qegħdin jagħmlu kulma jistgħu biex jibqgħu qrib il-poplu tagħna.

Ejjew nitolbu wkoll għal dawk li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu għall-futur tagħhom u qed jitolbu ’l Mulej jurihom u jagħtihom dawl fuq il-vokazzjoni tagħhom, hi x’inhi

Imma nsellem ukoll lis-saċerdoti żgħażagħ tagħna, li mimlijin entużjażmu, forsi għandhom iżjed ħin għar-riflessjoni f’dawn il-jiem, imma qed jifhmu wkoll li parti importanti mill-missjoni tagħna hija li nitolbu, ninterċedu għall-poplu tagħna, li t-talb li l-Knisja tafdalna meta nsiru djakni biex nitolbu f’isimha, huwa wkoll ħin prezzjuż tal-ġurnata.

Dawn iż-żminijiet li fihom għandna iżjed ħin għat-talb aħna s-saċerdoti, ejjew nagħmlu din il-missjoni bil-qalb u ngħinu wkoll il-poplu tagħna jifhem li t-talb fil-ħajja tagħna jagħti togħma tant sabiħa lil ħajjitna. Ejjew nitolbu wkoll għal dawk li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu għall-futur tagħhom u qed jitolbu ’l Mulej jurihom u jagħtihom dawl fuq il-vokazzjoni tagħhom, hi x’inhi, biex il-Mulej f’dawn il-jiem u f’dan il-jum li fih aħna nirriflettu bi gratitudni lejn is-sejħat li għamlilna, nifhmu li meta nagħżlu t-triq li qed jindikalna l-Mulej biċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, bil-parir ta’ min jixtiqilna tassew il-ġid, aħna nkunu qed nibnu l-ferħ u l-paċi ta’ qalbna.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 14a.36-41
Salm: 22 (23), 1-3a. 3b-4. 5. 6
Qari II: 1 Piet 2, 20b-25
Evanġelju: Ġw 10, 1-10

ktar ritratti: ritratti.knisja.mt/