Segwi l-qari tal-Quddiesa tal-lum hawnhekk.

Talba għat-Tqarbina tax-Xewqa

Ġesù, jiena nemmen li Inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament tal-Ewkaristija. 
Irrid inħobbok fuq kollox u fuq kulħadd.
Inti taf li nixtieq nirċevik ġewwa fija.
Imma ġaladarba bħalissa ma nistax nilqgħek ġewwa fija sagramentalment,
nitolbok li tiġi fija spiritwalment.
Ejja għandi Ġesù tiegħi, biex jiena niġi għandek.
Ħeġġiġni bl-imħabba għalik biex f’ħajti u f’mewti jiena nemmen fik,
nitma’ fik
u nibqa’ nħobbok għal dejjem.
Ammen.


Supplika lill-Madonna ta’ Pompej

O Kbira Sultana tal-vittorji, O Verġni l-aktar għolja fis-sema, għall-isem qawwi tiegħek jifirħu s-smewwiet, jitriegħed l-infern; O Sultana glorjuża tar-Rużarju mqaddes, aħna, uliedek ixxurtjati li inti għażilt biex iwaqqfulek tron f’Pompej, ninxteħtu għarkopptejna f’riġlejk f’dan il-jum ta’ festa kbira li jfakkarna fit-tqegħid tal-ewwel ġebla tas-santwarju tiegħek, jum li fih bdew it-trijonfi tiegħek fuq l-art li dari kienet art l-allat foloz u d-demonji; id-dmugħ ta’ għajnejna jurik l-imħabba li qiegħda tixgħel fi qlubna, b’kunfidenza ta’ wlied nuruk il-faqar tagħna.O Marija, mit-tron tal-ħniena tiegħek, ixħet il-ħarsa ħanina tiegħek fuqna, fuq il-familji tagħna kollha, fuq pajjiżna, fuq id-dinja, fuq il-Knisja kollha; ikollok ħniena mid-dwejjaq li fihom ninsabu u mit-taħbit li jnikket ħajjitna. Ara, O Ġesù b’kemm tiġrib fir-ruħ u fil-ġisem ninsabu mdawrin, b’kemm hemm u niket ninsabu magħfusin! O Omm, żomm id-driegħ ta’ ibnek inkurlat għal ħtijietna, u qanqal bil-ħniena qlub il-midinbin; huma wkoll ħutna u wliedek, għalihom ukoll ibnek Ġesù ċarċar id-demm imqaddes tiegħu; minħabba fihom il-qalb tiegħek l-aktar safja ġiet minfuda b’sejf ta’ niket. Illum, uri ruħek ma’ kulħadd, dak li tassew inti, Sultana tal-paċi u l-maħfra.

Sliem għalik, Marija

O Marija, għalkemm wliedek, aħna wkoll, minn tal-ewwel, bi dnubietna qed nerġgħu nsallbu f’qalbna lil ibnek Ġesù u mill-ġdid qed ninfdu b’sejf ta’ niket il-qalb tiegħek bla tebgħa; iva, nistqarruh, jistħoqqilna l-kastgi l-aktar ħorox. Iżda, O Marija, ftakar li fuq il-quċċata tal-Kalvarju int ġbart l-aħħar qatriet tad-Demm imqaddes ta’ Ibnek Ġesù u l-aħħar xewqat tal-Feddej tagħna xħin kien qiegħed imut. U dawk l-aħħar xewqat tal-Iben ta’ Alla, issiġillati bid-Demm imqaddes tal-Bniedem-Alla, juri li inti Ommna, Omm il-midinbin. Mela inti bħala Ommna, int l-Avukata tagħna, it-Tama tagħna. U aħna, bid-dmugħ f’għajnejna, ngħollu jdejna lejk biex nitolbuk ħniena bi ħrara kbira. O Omm l-aktar twajba, ikollok ħniena minna, mir-ruħ tagħna, mill-familji tagħna, mill-qraba tagħna, mill-mejtin tagħna, mill-għedewwa tagħna, minn tant u tant li għalkemm Insara qed joffendu l-Qalb Imqaddsa ta’ Ibnek. Ħniena nitolbuk illum għal dawk kollha li tbiegħdu mit-triq it-tajba, għall-Ewropa kollha, għad-dinja kollha, biex kulħadd, niedem, jersaq mill-ġdid lejn ibnek Ġesù. Ħniena għal kulħadd, nitolbuk, O Omm tal-ħniena.

Sliem għalik, Marija

O Marija, kemm jiswielek li tismagħna bil-qalb! Kemm jiswielek li taqlgħalna l-grazzja li nsalvaw! Forsi Ġesù ma riedx jafda f’idejk it-teżori tal-grazzji tiegħu? Inti tinsab inkurunata Sultana ta’ fuq il-leminija ta’ Ibnek, imżejna bi glorja li qatt ma tintemm, mgħollija fuq il-kori kollha tal-anġli. Is-saltna tiegħek tasal sa fejn jaslu s-smewwiet, u taħtek huma l-art u l-ħlejjaq kollha li fiha jinsabu. Is-saltna tiegħek tasal sal-infern, u int taħtafna minn idejn ix-xitan, O Marija. Inti tista’ kollox bil-grazzja, inti mela tista’ ssalvana. U jekk tgħid li ma tridx tgħinna għaliex ulied ingrati, li ma jistħoqqilniex li tidħol għalina, għidilna għallinqas għand min nirrikorru biex niġu meħlusa minn tant kastigi. Il-qalb tiegħek ta’ Omm ma taħmilx li tara lilna, uliedek, mitlufin. Il-Bambin li naraw fuq irkopptejk, il-kuruna misterjuża li nilmħu f’idejk, inisslu fina tama qawwija li int se tismagħna. U aħna għandna tama sħiħa fik; ninxteħtu f’riġlejk; bħala wlied bla saħħa ninxteħtu fuq id-dirgħajn tal-aktar twajba fost l-ommijiet; u llum stess minn għandek nistennew il-grazzji kollha li nixtiequ.

Sliem għalik, Marija


NITOLBU L-BARKA LIL MARIJA

L-aħħar grazzja issa aħna nitolbuk, O Sultana, grazzja li int ma tistax tiċħadhielna f’dan il-jum ta’ festa kbira. Agħtina lkoll l-imħabba tiegħek, u b’mod speċjali, il-barka tiegħek. Le, ma nitilqux minn quddiemek, ma nqumux minn għarkopptejna, qabel ma int tberikna. Bierek, O Marija, f’dan il-waqt, il-Papa, missier l-Insara kollha. Mal-għeġubijiet tal-imgħoddi, mat-trijonfi tar-Rużarju tiegħek, li minħabba fihom inti imsejħa Sultana tal-vittorji, żid din ir-rebħa wkoll: Agħti, O Marija, rebħ lir-reliġjon Nisranija, u paċi lill-għaqda tal-bnedmin. Bierek lill-Arċisqof tagħna, lis-saċerdoti, u lil dawk kollha li jaħdmu għall-ġieħ tas-santwarju tiegħek f’Pompej, u lil dawk kollha li jmexxu ’l quddiem id-devozzjoni lejn ir-Rużarju mqaddes tiegħek.Rużarju mbierek ta’ Marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li sseħibna mal-anġli, qawwa għall-ħelsien meta jaħbat għalina l-infern, port sigur mit-tempesti tal-ħajja, ktieb tal-ħajja ta’ dejjem: Aħna ma nħalluk qatt. Int kun il-hena tagħna waqt l-agunija; lilek l-aħħar bewsa tal-ħajja li tkun sa tintemm. U l-aħħar kelma li toħroġ minn fommna, ikun l-isem ħelu tiegħek, O Sultana tar-Rużarju, O Madonna, O Omm għażiża tagħna, O Kenn tal-Midinbin, O Faraġ tal-Imnikktin. Tkun imbierka kullimkien, illum u għal dejjem. Ammen.

Salve Reġina


Idħol hawn u agħfas SUBSCRIBE biex iżomm lilek innifsek aġġornat permezz tax-xandiriet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fuq YouTube.