Il-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali  (Vatican Media)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed nibdew serje ġdida ta’ katekeżi fuq it-tema tat-talb. It-talb huwa n-nifs tal-fidi, u l-aqwa espressjoni tiegħu. Bħal karba li toħroġ mill-qalb ta’ min jemmen u tintelaq bil-fiduċja f’idejn Alla.

Naħsbu fl-istorja ta’ Bartimew, persunaġġ tal-Evanġelju (ara Mk 10:46-52 u par.) li, nistqarr magħkom, għalija hu l-aktar wieħed simpatiku. Kien agħma, qagħad bilqiegħda jittallab fit-tarf tat-triq fil-periferija tal-belt tiegħu, Ġeriko. Mhuwiex persunaġġ anonimu, għandu wiċċ, isem: Bartimew, jiġfieri “bin Timew”. Jum wieħed jismagħhom jgħidu li Ġesù kien se jgħaddi minn hemm. Fil-verità, Ġeriko kienet f’salib it-toroq u minnha kienu jgħaddu ħafna nies, pellegrini u negozjanti. Allura Bartimew kien qed jistenna: żgur li kien se jagħmel kulma kien possibbli għalih biex jiltaqa’ ma’ Ġesù. Ħafna nies għamlu l-istess: niftakru f’Żakkew, li xxabbat mas-siġra. Ħafna riedu jaraw lil Ġesù, anki hu.

U hekk dan ir-raġel jidħol fl-Evanġelju bħala leħen li jgħajjat b’kemm għandu saħħa. Hu ma jarax; ma jafx jekk Ġesù hux fil-qrib jew fil-bogħod, imma jisimgħu, jifhem li qorob mill-folla, li f’ċertu punt tiżdied u toqrob lejh… Imma huwa kompletament waħdu, u ħadd ma jagħti kasu. U x’jagħmel Bartimew? Jgħajjat. U jgħajjat, u jibqa’ jgħajjat. Juża l-unika arma li għandu: leħnu. Jibda jgħajjat: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” (v. 47). U hekk jibqa’ jagħmel, jgħajjat.

L-għajjat ripetut tiegħu jdejjaq lill-oħrajn, ma jidhirx wisq edukat, u ħafna jċanfruh, jgħidulu biex jiskot: “Kun ftit edukat, tagħmilx hekk!”. Imma Bartimew ma jiskotx, anzi, aktar jgħajjat b’ħanxra daqshiex: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” (v. 47). Dik ir-ras iebsa tant sabiħa ta’ dawk li jfittxu grazzja u jħabbtu, iħabbtu fuq il-bieb tal-qalb ta’ Alla. Hu jgħajjat, iħabbat. Dik l-espressjoni: “Bin David”, hi importanti ħafna; tfisser “il-Messija” – jistqarr lill-Messija –, hija stqarrija ta’ fidi li toħroġ minn fomm dak ir-raġel imżeblaħ minn kulħadd.

U Ġesù jagħti widen għall-karba tiegħu. It-talba ta’ Bartimew tmiss il-qalb tiegħu, il-qalb ta’ Alla, u jinfetħu għalih il-bibien tas-salvazzjoni. Ġesù jibgħat għalih. Hu jaqbeż fuq riġlejh u dawk li qabel qalulu biex jiskot, issa jeħduh għand l-Imgħallem. Ġesù jkellmu, jitolbu jgħidlu x’jixtieq – dan importanti – u hemm il-karba tiegħu ssir talba: “Li nerġa’ nara, Mulej!” (ara v. 51).

Ġesù jgħidlu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek” (v. 52). F’dak il-bniedem fqajjar, bla saħħa, imkasbar, huwa jagħraf il-qawwa kollha tal-fidi tiegħu, li tiġbed fuqu l-ħniena u l-qawwa ta’ Alla. Il-fidi tfisser li jkollok dirgħajk it-tnejn merfugħa, leħen li jgħajjat biex jitlob id-don tas-salvazzjoni. Il-Katekiżmu jistqarr li “t-talb jinbena fuq ix-xejn tagħna” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2559). It-talb jitwieled mill-art, mill-humus – mnejn ġejja l-kelma “umli”, “umiltà” –; jiġi mill-istat ta’ prekarjetà tagħna, mill-għatx kontinwu tagħna għal Alla (ara ibid., 2560-2561).

Il-fidi, kif rajna f’Bartimew, hija karba; min m’għandux fidi jifga fih dik il-karba. Dak l-attaġġjament li kellha n-nies, li riedet issikktu: ma kinux nies ta’ fidi, imma hu kien. Meta nifgaw dik il-karba, din tkun speċi ta’ “omertà”. Il-fidi hija protesta kontra qagħda ta’ tbatija li ma nistgħux nifhmu r-raġuni tagħha; b’nuqqas ta’ fidi nkunu nillimitaw ruħna għal li nġarrbu sitwazzjoni u nadattaw ruħna għaliha. Il-fidi hija tama li niġu salvati; in-nuqqas ta’ fidi jfisser nidraw il-ħażin li jaħqarna u nibqgħu għaddejjin hekk.

Għeżież ħuti, ejjew nibdew din is-serje ta’ katekeżi bil-karba ta’ Bartimew, għax forsi f’figura bħal tiegħu diġà hemm miktub kollox. Bartimew huwa bniedem perseveranti. Madwaru kien hemm nies li bdew jgħidulu li għalxejn jittallab, li dan tiegħu kien krib bla tweġiba, li kien storbju li kien qed idejjaqhom u daqshekk, li jaqbel jekk jieqaf jgħajjat: imma hu ma baqax sieket. U fl-aħħar kiseb dak li ried.

Aqwa minn kull argumentazzjoni kuntrarja, fil-qalb tal-bniedem hemm leħen li jittallab. Ilkoll għandna fina dan il-leħen. Leħen li joħroġ spontanju, bla ma ħadd jikkmandah, leħen li jistaqsi dwar is-sens tal-mixja tagħna hawn isfel, fuq kollox meta nsibu ruħna fid-dlam: “Ġesù, ħenn għalija! Ġesù, ħenn għalija!”. Kemm hi talba sabiħa din!

Imma forsi dan il-kliem mhuwiex imnaqqax fil-ħolqien kollu? Kollox isejjaħ u jittallab li l-misteru tal-ħniena jsib il-milja aħħarija tiegħu. Mhux l-Insara biss jitolbu: huma jaqsmu din il-karba fit-talb mal-bnedmin kollha. Imma x-xefaq nistgħu nwessgħuh iktar: Pawlu jistqarr li l-ħolqien kollu “għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). L-artisti spiss huma interpreti ta’ din il-karba siekta tal-ħolqien, li hemm tagħfas f’kull ħlejqa u toħroġ fuq kollox fil-qalb tal-bniedem, għax il-bniedem hu “tallab quddiem Alla” (ara KKK, 2559). Definizzjoni sabiħa tal-bniedem: “tallab quddiem Alla”. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard