Real Madrid tappoġġja l-kampanja imnedija mill-Kunsill tal-Ewropa għad-drittijiet tat-tfal, liema kampanja għandha t-tema ‘RAISE YOUR HAND AGAINST SMACKING’. Fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Forum għall-isport u l-edukazzjoni, organizzat mill-Fondazzjoni Real Madrid fl-istadium ta’ Bernabeu, id-direttur għar-relazzjonijiet istituzzjonali ta’ dan it-tijm tal-futbol, Emilio Butragueno, għadda lid-deputat segretarju ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Maud de Boer-Buquicchio, il-firem tal-plejers b’appoġġ għall-kampanja.
Kif spjegat mill-Kunsill tal-Ewropa, il-kampanja għandha l-għan “li tinforma u tqajjem kuxjenza għad-drittijiet tat-tfal, tippromwovi skills tajba fost il-ġenituri u iktar minn kollox, telimina s-swat fuq it-tfal, li huwa l-ikbar forma ta’ abbuż, b’emendi fil-liġi”.
Il-Kunsill tal-Ewropa jisħaq li din il-prattika hi “sistema dixxiplinarja ineffiċjenti”, li twassal “messaġġi żbaljati minbarra li tkun sors potenzjali ta’ ħsara fiżika u mentali”. Għaldaqstant, intqal li biex titqajjem iktar kuxjenza pubblika, meħtieġa iktar firmatarji simili”.
L-inizjattiva, imnedija f’Zagreb fil-15 ta’ Ġunju 2008, kienet appoġġjata s’issa minn 20 pajjiż li neħħew is-swat. 7 oħra qalu li qed jissuktaw bl-isforzi tagħhom.