• Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) hija mħassba li ħafna mit-tibdil propost f’dawn id-dokumenti jidher li ma jagħtix raġuni xierqa li għaliha qed tkun proposta l-bidla. Dan meta wieħed jeżamina l-effett li t-tibdiliet proposti aktarx se jkollhom fuq l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq in-nies ta’ kull sitwazzjoni soċjo-ekonomika. Hija ssemmi seba’ punti li jqanqlu tħassib partikulari fosthom l-introduzzjoni mill-ġdid tal-outline development permits, u t-tneħħija tas-Sitt Skeda li turi bini li ma jistax jiġi sanzjonat. Barra dan, il-KA tħoss li bl-introduzzjoni ta’ warning notices qabel ma joħorġu stop u enforcement notices, fejn jidħol l-infurzar, l-affarijiet se jmorru lura flok ’il quddiem.

    Il-KA tħoss li fil-kuntest tat-tibdiliet proposti, jista’ jkun li fi żmien 20 sena oħra jkollna ambjent li jkun ġie abbużat minn ftit, b’detriment għal ħafna. Dan għaliex il-proposti jidhru li qed isiru b’kunsiderazzjoni kbira wisq għall-aspettativi tal-iżviluppaturi, u b’inqas attenzjoni għall-kunsiderazzjonijiet iktar fit-tul li verament iħarsu l-ambjent għat-tgawdija tal-kotra.

    Il-KA tissuġġerixxi li f’dokumenti ta’ importanza nazzjonali jkun hemm ippublikati l-ismijiet tal-persuni li offrew il-konsulenza tagħhom sabiex jitħejja u jkun iffinalizzat d-dokument. Dan għandu jsir f’ġieħ it-trasparenza, u sabiex il-poplu jkun jista’ jiġġudika jekk fid-dokument hemmx xi aġenda moħbija jew le.

    Il-KA tqis bħala pożittiv kull eżerċizzju ta’ konsultazzjoni, l-aktar fuq aspetti importanti. Iżda, fl-istess ħin wieħed diffiċli jifhem kif ċerti dokumenti sensittivi bħal dawn, li jitolbu skrutinju serju minħabba l-impatt propost tagħhom, ikollhom perijodu ta’ konsultazzjoni qasir, u jinħarġu fi żmien meta l-poplu jkollu affarijiet oħra li jikkompetu għall-attenzjoni tiegħu.

    Agħfas hawn biex tniżżel id-dokument sħiħ tal-Kummissjoni Ambjent.