L‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tidħol għal xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ għaxar proġetti addizzjonali mas‑17‑il proġett li diġà tħabbru s‑sena li għaddiet, b’investiment totali ta’ madwar €4 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Dawn il‑proġetti jinkludu r‑restawr strutturali tal‑knejjes kif ukoll il‑konservazzjoni ta’ diversi opri tal‑arti, fosthom żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra.
Dan tħabbar waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħaxija quddiem il‑knisja parrokkjali tal‑Qrendi, li ġiet indirizzata mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej l‑Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi.
Is‑Sur Pace Ross, f’isem il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li l‑investiment f’dawn l‑għaxar proġetti li se jkompli jsaħħaħ il‑ħarsien tal‑wirt kulturali tagħna jammonta għal madwar €1.5 miljun. Flimkien ma’ dawn il‑proġetti fi tmien parroċċi, se tiġi rrestawrata wkoll il‑faċċata tal‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta li fuq xewqa tal‑Arċisqof Charles Scicluna f’diversi okkażjonijiet qed jiftaħ il‑bibien tiegħu biex il‑pubbliku jkun jista’ japprezza l‑patrimonju reliġjuż ta’ pajjiżna u l‑identità li ssawwarna.
Is‑Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l‑knejjes Maltin u Għawdxin dejjem kellhom valur imprezzabli hekk kif jifformaw parti mill‑patrimonju kulturali ta’ pajjiżna. Hu stqarr li xogħlijiet ta’ restawr bħalma se jsiru fuq il‑faċċata tal‑knisja tal‑Qrendi se jkunu qed isebbħu mhux biss il‑knisja nnifisha imma anki l‑qalba tal‑lokalità. Zrinzo Azzopardi spjega li proġetti bħal dawn se jkunu qed isaħħu il‑prodott turistiku hekk kif se jesponu r‑rikezza tal‑wirt storiku kulturali Malti, filwaqt li jvarjaw l‑attrazzjonijiet turistiċi għal diversi lokalitajiet. Is‑Segretarju Parlamentari saħaq li permezz ta’ fondi Ewropej, l‑investiment fis‑settur turistiku, speċjalment f’dan iż‑żmien, jitqies bħala essenzjali biex mhux biss inqajmu l‑ekonomija fuq saqajha iżda nsaħħuha wkoll.
Il‑parroċċi li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew taħt il‑Programm Operazzjonali I (2014‑2020) huma: Ħaż‑Żebbuġ, il‑Belt Valletta (San Pawl), il‑Furjana, il‑Ħamrun (San Gejtanu), il‑Qrendi, l‑Imsida, l‑Isla u Tas‑Sliema (San Girgor).