• ***

    Direttur: Jonathan Demme
    Atturi: Meryl Streep, Kevin Kline, Maime Gummer, Rick Springfield
    Ħin: 102 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     

    Ricki Randazzo, li l-veru isem tagħha huwa Linda Brummell, għandha fuq is-60 sena u hija rock star li m’għamlitx suċċess; issa hija l-lead singer f’banda li ddoqq f’bar f’Los Angeles. Żmien ilu kienet abbandonat il-familja tagħha u ħalliet warajha l-ex-raġel tagħha Pete, u lit-tlett uliedha, Julie, Josh, u Adam, biex tiddedika ruħha għall-ambizzjonijiet mużikali tagħha. Hija qedha tissielet biex tkampa u, biex tlaħħaq mal-ħajja, matul il-ġurnata taħdem bħala kaxxiera f’supermarket, filwaqt li twarrab l-avvanzi li jagħmlilha l-boyfriend Greg. Ġurnata waħda Pete iċemplilha minn Indianapolis u jgħidilha li binthom il-kbira, Julie, għaddejja minn żmien ħażin għax żewġha telaqha għal tfajla oħra. Billi t-tieni mara tiegħu ma kienetx hemm għax marret tieħu ħsieb missierha marid, Pete ma kellux lejn min idur għall-għajnuna ħlief lil Linda. Ricki titlaq lejn Indianapolis biex tagħti l-għajnuna li tista’. Hija jkollha tħabbat wiċċha mhux biss mal-problema ta’ Julie imma wkoll ma l-ostilita’ taż-żewġ uliedha subien u ma Maureen, it-tieni mara ta’ Pete , li tħobb tgħid l-affarijiet kif inhuma bla tlaqliq. Għall-ewwel, il-laqgħa tagħha ma’ Julie ma tantx tmur tajjeb imma wara ftit it-tnejn li huma jirnexxielhom imorru mhux ħażin ma’ xulxin. Iżda r-relazzjoni tagħha maż-żewġ uliedha subien hija aktar diffiċli: Josh lest li jimxi tajjeb magħha, imma Adam jippreferi li jkellimha għal bżonn biss.
     
    Film drammatiku, dwar ir-relazzjonijiet fil-familja. M’huwiex dwar mara li tipprova tpatti għal ħażin li tkun għamlet m’uliedha; huwa dwar mara li tipprova terġa toħloq relazzjoni magħhom bħala adulti. Bħalma jgħid Greg: “Mhux it-tfal għandhom iħobbuna; huwa aħna li għandna inħobbuhom”. Meryl Streep u Kevin Kline, kif ukoll atturi oħra, jagħtu reċtar mill-aqwa, u fih songs sbieh. Madankollu l-iscript huwa mħawwad, u minkejja li l-film huwa pjaċevoli jidher li huwa xi ftit superfiċjali. Fih kliem ħażin, kontenut sesswali, u użu ta’ droga. Jgħodd għal dawk il fuq minn 15 il-sena.