L-inqas li hu mistenni
L-inqas li hu mistenni mill-bniedem
mhux li kull persuna
tiġi ttrattata bir-rispett
u jkollha l-istess dritt għall-ħajja?
L-inqas li hu mistenni mill-bniedem
mhux li kull persuna
tkun ħielsa
u kapaċi toħloq
mingħajr ma tkun maħkuma
mill-flus, mir-reliġjonijiet jew mill-istati?
L-inqas li hu mistenni mill-bniedem
mhux li l-art nibżgħu għaliha
bħala ħaġa sagra,
inħarsuha u nsebbħuha
biex tibqa’ l-ambjent
li nistagħġbu bih,
imħejji minn Alla
għal dawk kollha
li jgħixu fih?
Biddlilna qlubna, Mulej,
u mexxina fi triqtek
li fiha,
il-maħfra li tingħata
saħansitra lill-għedewwa,
ir-rigal tal-persuna
li tissallab għal ħaddieħor
u l-mewt tal-persuna għaliha nnifisha
biex ixerred l-hena u l-kuntentizza,
isawbu fil-persuna Spirtu tant qawwi
li minn persuna li kapaċi tagħti biss
l-inqas li hu mistenni
issir persuna mimlija bl-Imħabba divina bla tarf!