Fl‑okkażjoni ta’ Jum l‑Ambjent 2022, li jiġi mfakkar fil-5 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tappella lill‑awtoritajiet biex jipproteġu l‑art agrikola u l‑ispazji miftuħa, jiffukaw fuq l‑użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli u, b’mod urġenti, jirrevedu policies li, jidher ċar, huma intiżi li jservu interessi dojoq u li jikkompromettu b’mod irrevokabbli il‑wirt naturali tal‑Gżejjer Maltin.
Ħtieġa ta’ użu ħafna ikbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli imma mhux a skapitu ta’ art agrikola
Il‑gwerra bla sens li bħalissa għaddejja kontra l‑Ukrajna ħarġet fid‑deher il‑ħtieġa li jkun hemm inqas dipendenza fuq il‑karburanti fossili (fossil fuels) u li nifhmu l‑importanza tal‑biedja li tmantni l‑popolazzjonijiet. Il‑pjani nazzjonali u l‑impenn biex issir il‑bidla għal sorsi rinnovabbli ta’ enerġija għandhom ikunu riveduti u implimentati. Iżda din il‑bidla għal sorsi rinovabbli ta’ enerġija m’għandhiex isseħħ a skapitu tal‑ħarsien tal‑art agrikola. Kemm l‑użu ta’ enerġija rinovabbli kif ukoll il‑ħarsien tal‑art agrikola huma ta’ importanza nazzjonali. Waħda ma tistax teskludi lill‑oħra. Il‑biedja, meta tirrispetta l‑liġijiet u r‑regolamenti ambjentali, minbarra li tippreserva l‑wirt kulturali tal‑pajjiż, issir garanti tal‑ħarsien tal‑kampanja.
Huwa inkoraġġanti ħafna li hemm żgħażagħ li għadhom interessati li jsiru bdiewa imprenditorjali. L‑awtoritajiet għandhom jagħtu kull għajnuna lil dan l‑ispirtu imprenditorjali kemm taż‑żgħażagħ – u kemm ta’ dawk li huma inqas żgħażagħ – billi jagħtu lill‑art agrikola status ta’ protezzjoni speċjali bħala riżorsa strateġika u jipproteġu lill‑bdiewa li jkunu se jitkeċċew minn artijiet li jkunu ilhom jaħdmu għal ħafna snin.
F’dan il‑kuntest, proġetti infrastrutturali u oħrajn għandhom ikunu eżaminati mill‑ġdid biex jiġi evitat li tinqered art agrikola. Il‑KA tappella wkoll lill‑awtoritajiet biex jiżguraw li ma jkun hemm l‑ebda abbuż minn fondi nazzjonali jew dawk tal‑Unjoni Ewropea minn min jirreġistra ruħu bħala bidwi part‑time sempliċiment biex ikun eliġibbli għal tali fondi, b’riżultat li tali fondi ma jkunux jistgħu jintużaw minn bdiewa full‑time jew part‑time ta’ veru.
Ħtieġa urġenti li jiġu riveduti policies ta’ ppjanar biex l‑ambjent verament jitħares
Il‑KA ilha tagħmel dan l‑appell għal diversi snin. Wegħdiet li se jitfasslu policies ġodda biex jitħares l‑ambjent huma fiergħa għax il‑problema mhix in‑nuqqas ta’ policies iżda n‑nuqqas ta’ rieda politika li jinbidlu dawk il‑policies li tfasslu mhux biex iservu l‑ġid komuni imma l‑interessi tal‑ftit. In‑nuqqas ta’ azzjoni biex ikunu riveduti policies eżistenti qisha tindika li forsi l‑uniku mod effettiv biex l‑ambjent Malti ikun salvat huwa b’militanza ikbar minn gruppi ambjentali, gruppi ta’ residenti u kunsilli lokali. Meta jsiru protesti pubbliċi tittieħed xi tip ta’ azzjoni. Qisu hemm nuqqas ta’ kunsiderazzjoni serja tal‑ġid komuni meta jitfasslu jew jiġu riveduti pjani u policies. Dawk il‑ftit li għandhom aċċess tajjeb għall‑awtoritajiet qishom qed ikollhom saħħa kbira fit‑tfassil jew reviżjoni ta’ policies. Il‑KA għalhekk tappella lill‑awtoritajiet biex:
- Jippubblikaw ir‑reviżjoni għar‑Rural Policy and Design Guidance 2014. Il‑konsultazzjoni pubblika dwar ir‑reviżjoni ta’ din il‑policy għalqet f’Awwissu 2020, jiġifieri kważi sentejn ilu. Minn dakinhar ’l hawn, minħabba din il‑policy, ingħataw iktar permessi għal bini barra miż‑żoni tal‑iżvilupp abbażi tal‑preżenza ta’ borġ ġebel fil‑kampanja. Bini bħal dan tiela’ minkejja l‑pożizzjoni uffiċjali li l‑konfini tal‑iżvilupp ma kinux estiżi. Din il‑policy qed tħalli li jsir bini kważi kullimkien fil‑kampanja.
- Jirrevedu d‑Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 li qed tagħmel straġi fl‑irdumijiet ta’ Għawdex. Il‑makkja (maquis) li ssebbaħ dawn l‑irdumijiet qed tinqered b’policy, li min kitibha u l‑awtoritajiet li approvawha, kienu jafu – jew tal‑inqas messhom kienu jafu – x’kienu se jkunu l‑effetti ta’ policy bħal din.
- Jipproteġu b’mod effettiv l‑ispazji miftuħa fiż‑żoni urbani. Il‑ħolqien ta’ spazji miftuħa fiż‑żoni urbani ma jistgħux jinħatfu minn kjoskijiet, imwejjed u siġġijiet jew parkeġġ għall‑karrozzi. Stabbilimenti kummerċjali jew tal‑ikel matul mogħdijiet li jimblukkaw veduti tal‑baħar f’żoni li diġà huma popolati ħafna jistunaw mal‑idea li jinħolqu spazji miftuħa f’żoni urbani. Il‑KA tistieden lill‑awtoritajiet biex jaċċertaw li l‑ispazji miftuħa fiż‑żoni urbani jkunu postijiet li verament itejbu l‑ħajja tar‑residenti u mhux biex isiru kummerċjalment vijabbli għal xi imprenditur.
Konklużjoni
Il‑KA tawgura li l‑ewwel diskors uffiċjali tal‑Papa Franġisku fiż‑żjara tiegħu f’Malta f’April li għadda ma jintesiex u jkun għajn ta’ ispirazzjoni lill‑Insara, lil dawk li ma jħaddnux twemmin Nisrani, u lil kull min għandu xi setgħa u kull min joffri sfida lil min għandu s‑setgħa, biex nieħdu ħsieb id‑dar komuni tagħna:
“L‑ambjent li ngħixu fih hu rigal mis‑sema, kif mill‑ġdid jagħraf l‑Innu Nazzjonali li jitlob lil Alla jħares is‑sbuħija ta’ din l‑art, omm imżejna b’dawl mill‑aktar għoli. Hu minnu li f’Malta, fejn il‑ġmiel imdawwal tal‑pajsaġġ itaffi d‑diffikultajiet, il‑maħluq jidher qisu rigal li, qalb il‑provi tal‑istorja u tal‑ħajja jfakkarna kemm hu sabiħ li tgħix fl‑art. Għalhekk għandu jitħares mir‑regħba bla xabgħa, mill‑kilba għall‑flus u mill‑ispekulazzjoni tal‑bini, li mhux biss jikkompromettu l‑pajsaġġ, iżda l‑ġejjieni. Minflok, il‑ħarsien tal‑ambjent u l‑ġustizzja soċjali jħejju l‑ġejjieni u huma toroq mill‑aħjar biex liż‑żgħażagħ iqajmu fihom il‑passjoni għal politika tajba, u jbegħduhom mill‑apatija u n‑nuqqas ta’ impenn.” [1]
[1] Silta mid-diskors tal-Papa Franġisku lill-President tar-Repubblika, membri tal-Gvern u tal-korp diplomatiku, awtoritajiet reliġjużi u ċivili u rappreżentanti tas-soċjetà u tad-dinja tal-kultura. 2 t’April 2022