Doctors for Life qegħdin joffru alternattiva etika flok dak li qed jipproponi l-Gvern fil-liġi tal-IVF. It-tobba qalu li l-emendi l-ġodda li qed jipproponi l-Gvern se jwasslu biex l-embrijuni li jinstab li jkollhom xi kundizzjoni ma jiġux impjantati u jiġu ffrizati għal dejjem. Spjegaw li f’ħafna pajjiżi oħra, dawn l-embrijuni jitwarrbu jew jintremew.

Doctors for Life qalu li minflok, jista’ jsir screening għall-kundizzjonijiet ġenetiċi fuq il-bajd tal-mara qabel il-formazzjoni tal-embrijun. Dan jissejjaħ Polar Body Testing u joffri wkoll il-possibbiltà li jinstabu numru mhux normali ta’ kromożomi kif ukoll mard ieħor. B’dan il-metodu, it-tħassib tal-ġenituri jkun indirizzat b’mod aktar etiku u b’approċċ uman.

It-tobba qalu li filwaqt li jifhmu d-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-koppji li jgħaddu mill-IVF li wliedhom jista’ jkollhom kundizzjonijiet ġenetiċi jew mard ieħor, jirrikonoxxu li l-proposta tal-Gvern ma teliminax il-mard iżda telimina l-morda. Bil-proposta tal-Polar Body Testing, it-tħassib tal-ġenituri se jiġi indirizzat permezz ta’ screening għal mard speċifiku qabel il-formazzoni tal-embrijun.

Doctors for Life qalu li mal-fertilizzazzjoni tkun bdiet ħajja umana ġdida, kemm jekk isseħħ b’mod naturali jew bl-IVF. “Dan hu fatt xjentifiku u bijoloġiku u mhux opinjoni,” qalu t-tobba.

388 embrijun “normali” għadhom ffriżati

Doctors for Life qalu wkoll li kontra r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, il-Membri Parlamentari fl-aħħar leġiżlatura vvutaw biex jintroduċu l-iffriżar tal-embrijuni. “Minn dakinhar, lanqas wieħed mit-388 embrijun “normali” iffriżat ma ġie addottat.

Doctors for Life inkoraġġixxiet proċess ta’ konsultazzjoni onest li jevalwa l-għażliet kollha, u li jkun hemm vot ħieles għall-Membri Parlamentari taż-żewġ partiti.

Ftit tal-jiem ilu, fi stqarrija miktuba miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Life Network Dr Miriam Sciberras, u ffirmata minn 14-il għaqda, intqal li kull embrijun maħluq permezz ta’ ċiklu tal-IVF hu persuna umana distinta.

Sors: Newsbook.com.mt