Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, li jitfakkar bħal-lum 5 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tagħti ġieħ lill-għaqdiet ambjentali volontarji, sindki u kunsilliera u mijiet ta’ ċittadini Maltin li jagħtu sehemhom għall-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha li jgħixu f’Malta u Għawdex.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-politiċi biex jaħdmu għall-ġid komuni waqt li għadhom fil-poter biex jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa.

F’dan il-jum il-Kummissjoni tfakkar li l-istrateġiji li jħarsu l-ambjent u l-biedja qed ikunu “imminati minn proċess ta’ ppjanar li ma jsostnihomx”. Għaddew tliet snin minn meta għalqet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tar-Rural Policy and Design Guidance 2014 li permezz tagħha borġ ġebel fil-kampanja jinbidel f’bini abitabbli. Din il-policy u l-applikazzjonijiet għal żvilupp li qed jistennew li jkunu approvati taħtha, qed jheddu l-integrità ta’ siti ta’ Natura 2000. Wieħed ma jistax ma jsaqsix għala r-reviżjoni ta’ din il-policy qed tieħu daqshekk fit-tul meta l-policy oriġinali ġiet approvata fi żmien tmien xhur minn meta għalqet il-konsultazzjoni pubblika f’Diċembru 2013.

L-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet biex tinbidel id-Development Control and Design Guidance 2015, policy li qed tkun il-kaġun tal-qerda tal-irdumijiet f’Għawdex, bir-riżultat li f’medda qasira ta’ żmien, Għawdex tilef il-karatteristika tal-pajsaġġ uniku tiegħu.

Il-Kummissjoni Ambjent ilha mill-2015, is-sena meta l-Papa Franġisku ħareġ l-enċiklika Laudato Si’, titlob lill-awtoritajiet tal-inqas darba fis-sena, biex jittieħdu miżuri dwar dan li ġej:

  • Isir studju nazzjonali dwar il-propjetà minn entità awtonoma b’terms of reference li jkunu jaqblu fuqhom l-istakeholders kollha, liema studju għandu jintuża għar-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u l-Pjani Lokali.
  • Jingħata veto lill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar proġetti li jaffettwaw siti jew proprjetà li huma protetti mil-liġijiet li permezz tagħhom twaqqfu dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.
  • Ma jkomplux jiġu applikati L-kunċetti ta’ “preċedent” u “aspettativa leġittima” fil-proċessi ta’ deċiżjonijiet. Dawn il-kunċetti m’għandhom l-ebda bażi fil-liġi tal-ippjanar u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ prattika tal-ippjanar li tagħmel sens.
  • Tkun introdotta liġi li tindirizza l-kwistjoni tal-istorbju u l-effett li dan qed iħalli fuq ir-residenti, inklużi ħsejjes marbuta ma’ divertiment li jibqa’ għaddej sa tard billejl. Tali liġi m’għandhiex tapplika biss għall-ħsejjes magħrufa bħala ‘background noise’ kif mitluba minn Direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-awtoritajiet biex jaġixxu minnufih biex jipproteġu l-ambjent naturali u urban li jsostni l-benessere u s-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin.