“Trab kont u trab terġa’ ssir”
Fl-ewwel jum tar-Randan, imsejjaħ ukoll l-Erbgħa tal-Irmied, il-qassis, jew persuna oħra, iroxx ftit irmied imbierek fuq rasna fiċ-ċelebrazzjoni waqt li jfakkarna fil-bidu u t-tmiem tagħna.
Għaliex jintuża l-irmied? Minn xiex inhu magħmul? Friegħi taż-żebbuġ li jkunu tbierku u ntużaw fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm tas-sena ta’ qabel jinħarqu u l-irmied tagħhom jintuża f’Ras ir-Randan. Din id-drawwa saret rit uffiċjali fl-Erbgħa tal-Irmied fis-seklu ħdax minn Papa Urbanu t-Tieni. Imma għandha l-għeruq tagħha fil-Bibbja, l-iktar fit-Testment il-Qadim, fejn l-irmied jintuża biex ifakkar lill-bniedem li mhu xejn u bħala sinjal ta’ sogħba, indiema u penitenza.
Meta jitqiegħed l-irmied fuq rasna, inkunu qed nilqgħu l-istedina ta’ Alla biex nibdlu ħajjitna, u nuru li lesti nimxu t-triq tal-indiema lejn ħajja aħjar, billi nneħħu dak li qed ixekkilna u nikbru fil-qdusija. Kull bidla teħtieġ sforz iżjed mis-soltu.
Illum mistednin biex flimkien ma’ Ġesù nibdew dan il-vjaġġ lejn is-salib u nagħrfu li meta nindmu u nduru lejn Ġesù, insibu l-veru sors tal-ħajja. Meta nippruvaw niksbu l-ferħ mid-dinja biss, qalbna timtela b’dak li hu materjali li ma jħallix spazju għal dak li hu tassew ħaj u li jibqa’. Alla hu dak li jtina ħajja ġdida.
X’inhuma l-affarijiet f’ħajjitna li qed iġibu firda minna nfusna, minn ta’ madwarna u minn Alla, li għandna bżonn inwarrbu biex inkunu nistgħu nirċievu l-ħajja vera?
B’mod prattiku, jien x’nista’ nagħmel matul dan ir-Randan biex nikseb il-ħajja veru f’dak li forsi qtajt qalbi li qatt jista’ jkun aħjar? Alla mhux jitlob minni li nibdel kollox malajr, imma li nagħżel dak li l-iktar qed itellifni u nsib mod konkret kif bil-għajnuna tiegħu nsir bniedem ġdid.