• Rio 2

  • ***

    Direttur:          Carlos Saldanha
    Ilħna:               Jesse Eisenberg, Anna Hathaway, Leslie Mann, Bruno Mars, Jemaine Clement, George Lopez, Jamie Foxx u will.i.am
    Ħin tal-Fim:     101 min.
    Maħruġ minn KRS Film Distributors
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U
     
    Rio 2, film animat Amerikan bi 3D,  permezz tal-komputer,  hu aventura ħelwa u ssegwi dak li kien inħadem fl-2011 bl-isem ta’ Rio.  Fil-film, niltaqgħu ma’ Blu, Jewel u t-tliet- itfal tagħhom li jiddeċiedu li jħallu l-ħajja domestikata li kienu mdorrija jgħixu fiha ġewwa Rio u jmorru għal vjaġġ ġewwa l-Amazon fejn hemm jiltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ karattri mwielda ġewwa l-foresta u li kienu jgħixu ħajja salvaġġa. Hekk kif jaslu, il-familja ta’ Blu u Jewel jiltaqgħu ma’ Eduardo,  missier Jewel li kien ilu nieqes għal ħafna żmien. Eduardo kien jinsab jgħix moħbi  flimkien ma’ tribu ta’ Macaw’s Spixs. Għall-ewwel kollox imur  tajjeb u perfett iżda ma jgħaddiex ħafna żmien li Blu jħoss li kien qiegħed isibha diffiċli biex iħossu wieħed minnhom. Il-qagħda tmur għall-agħar meta ma jdumux ma jirrealizaw li l-abitat tal-Amazon kien jinsab f’thedida serja minn nies li ma kien jimpurthom minn xejn ħlief li jesplojtaw il-ġid li kien jinsab f’dik il-foresta  l-aktar fl-ammont kbir ta’ siġar li kien hemm fiha.  X’sejrin jagħmlu l-ħbieb tagħna biex forsi jsalvaw il-foresta minn esplojtazzjoni li mhux biss teqred il-foresta izda ukoll tpoġġi il-ħajja tagħhom f’periklu kbir?

    Film maħdum tajjeb b’sengħa kbira, ħafna kant u żfin li għandu jogħġob lil kulħadd, kemm zgħar kif ukoll kbar, b’messaġġ pożittiv ħafna fejn juri li fejn hemm il-għaqda hemm is-saħħa u kapaċi jingħelbu kull diffikultajiet. Il-film  jgħodd għal kulħadd.