• Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol tal-Knisja f’Malta dan l-aħħar innottat li qed jiżdiedu l-każijiet fejn membri tal-Korp tal-Pulizija qed jiġu mfixxklin waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, jekk mhux ukoll aggretiti u nsultati waqt il-ħidma tagħhom.

    Il-Kummissjoni tħoss li huwa l-mument li ssemma’ leħinha u filwaqt li turi l-appoġġ tagħha lill-membri tal-Korp u l-familji tagħhom, tħeġġeġ li min hu responsabbli biex ir-rispett u stima lejn min qiegħed jaħdem biex jinżamm l-ordni fil-pajjiż jiġu mħarsa. L-aħbarijiet li nisimgħu, dwar membri tal-Korp tal-Pulizija jiġu nsultati u mhedda anke fizikament, qed inaqqas mir-rispett lejn l-istess Awtorità tal-Pulizija, lejn l-istess Ordni Pubbliku u Liġi li huma jirrapreżentaw.

    Il-Pulizija huwa uffiċjal pubbliku li qiegħed hemm biex iżomm il-paċi, jara li tiġi mħarsa l-liġi, jipproteġi liċ-ċittadini u l-propjetà, u jinvestiga kazijiet ta’ kriminalità. Dawn huma uħud mir-responsabilitajiet li għandu afdati f’idejh il-pulizija; responsabilijiet tqal li jrid jġorr l-istess pulizija, u li għandu jiġi mgħejjun u prottet fid-dmirijiet tiegħu.

    Tisma’ xi lmenti li jsiru fuq il-pulizija, u xi drabi jkunu lmenti ġusti. Imma tajjeb infakkru u naraw in-naħa l-oħra tal-munita fir-rigward il-pulizija. Naħsbu ftit fuq l-orarju tax-xogħol tagħhom li ħafna drabi huwa orarju rregolari. Infakkru li x-xogħol tal-pulizija jġib miegħu ħafna għejja meta xogħlhom hu li jaħdmu u jiltaqgħu ma’ persuni u stejjer problematiċi.

    Il-pulizija waħdu ma għandux saħħa jaqdi dmiru, għandu bżonn l-appoġġ tal-awtoritajiet l-oħra, bħal dawk governattivi u legali, biex jiġi mħares minn abbuzi waqt dmirijietu. Il-pulizija joffri ħajtu kontra l-kriminalità, imma fl-aħħar tal-ġurnata huwa jkun qed jistenna li jmur daru jistrieħ mal-familja tiegħu, qawwi u sħiħ. Il-pulizija huwa dak li f’isem is-soċjetà, f’isimna, jmidd għonqu biex iwaqqaf il-ġlied, l-inġustizzja, il-kriminalità, imma mbagħad is-soċjetà għandha tkun warajh f’din il-ħidma utli biex pajjiż jgħix fil-paċi.

    Il-Kummissjoni tistaqsi jekk dawn il-każijiet li nisimgħu ta’ arroganza u nuqqas ta’ rispett li kultant jintwera lejn uffiċċjali pubbliċi tal-ordni u stabilità fil-pajjiz, huwiex risultat tal-formazzjoni li qed nagħtu, jew m’aħniex nagħtu lil uliedna, fejn tidħol id-dixxiplina. Dawn il-każijiet li nisimgħu, huma każijiet isolati imma nkwentanti, humiex konsegwenza ta’ kif qed niddixxiplinaw jew le lil uliedna, kemm fil-familji u anke fl-iskejjel. Il-kelma dixxiplina llum ma tistax issemiegħa għax mill-ewwel jinfetħu l-kanuni ta’ min jemmen li d-dixxiplina xxekkel lill-bniedem. Nisħqu li fejn mhemmx dixxiplina, mhemmx rispett. Id-dixxiplina tgħallem lil dak li jkun jirrispetta lilu nnifsu u lill-oħrajn li qed jgħix magħhom.

    Bħala soċjetà għandna nagħrfu nirrispettaw u nipproteġu lill-pulizija fil-qadi tiegħu, qadi li mhux faċli, imma bżonjuz biex f’Malta jibqa’ jkun hawn ir-rispett reċiproku u l-paċi.

    Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fis-sena 2000, lis-suldati u lill-pulizija kien kellimhom fuq is-suġġett tagħhom li kien ‘Ma’ Kristu niddefendu l-Ġustizzja u l-Paċi’.Il-Kummissjoni twiegħed it-talb tagħha lill-korp tal-pulizija u l-familji tagħhom, imma wkoll tħeġġeġ lis-soċjetà Maltija, b’mod speċjali l-awtoritajiet ċivili u legali, tħares u ssaħħaħ, tipproteġi r-rispett mistħoqq lill-membri tal-Korp tal-Pulizija.

    Il-Kummissjoni Pastorali fid-dinja tax-xogħol fil-Paġna FaceBook tagħha matul din is-sena nediet il-Kampanja ‘GRAZZI TAX-XOGĦOL TIEGĦEK’ u nkludiet u rringrazzjat lill-pulizija għax temmen li bħala soċjeta għandna nagħrfu nirringrazzjaw lill-ħaddiem tax-xogħol utli li joffri.