Fil‑Parlament bħalissa qed jiġu diskussi żewġ abbozzi ta’ liġijiet li l‑għanijiet tagħhom huma li pajjiżna jippromovi l‑ugwaljanza u li jaħdem biex tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni fis‑setturi kollha tas‑soċjetà.
Favur l‑ugwaljanza u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni
Il‑Knisja ma tistax ma tisseħibx mal‑isforzi kollha li qed isiru biex f’pajjiżna jkun hawn ugwaljanza u tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni. L‑ebda persuna m’għandha tiġi diskriminata minħabba l‑kulur tal‑ġilda, in‑nazzjonalità, l‑orjentazzjoni sesswali, id‑diżabbiltà, ir‑reliġjon, l‑età, l‑opinjoni politika jew karatteristiċi oħra li jagħmluha persuna unika. Id‑dinjità tal‑bniedem hekk tirrikjedi. It‑tagħlim tal‑Knisja jagħti valur lil kull persuna mill‑konċepiment sal‑mewt naturali tagħha.
Il‑libertà tal‑kuxjenza u tar‑reliġjon
Fl‑istess ħin ma nistgħux ma nesprimux it‑tħassib tagħna dwar ċerti klawżoli fl‑abbozzi li għandhom implikazzjonijiet serji għax ser joħonqu l‑libertà tal‑bniedem. Il‑libertà tal‑ħsieb, il‑libertà tal‑kuxjenza u l‑libertà tar‑reliġjon tal‑persuni kollha li jgħixu f’Malta u f’Għawdex sa issa dejjem kienu mħarsa kemm mill‑Kostituzzjoni ta’ Malta, mill‑Konvenzjoni Ewropea kif ukoll mill‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea. Hemm periklu serju li dawn l‑abbozzi, jekk mhux emendati bil‑għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw dawn il‑libertajiet fundamentali li dejjem gawdejna.
Id‑dritt tal‑ġenituri li jagħżlu l‑iskejjel għal uliedhom
B’mod partikulari nappellaw li jibqa’ jiġi mħares id‑dritt tal‑ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom. Jekk jagħżlu skejjel tal‑Knisja jew skejjel li għandhom etos partikolari, għandu jiġi assigurat li l‑għażla tal‑kapijiet u ta’ min imexxi dawn l‑iskejjel ikunu persuni li jħarsu u jippromovu l‑etos u l‑valuri ta’ dawk l‑iskejjel. Dawn l‑għażliet m’għandhomx jiġu meqjusa bħala diskriminatorji. B’hekk ikun salvagwardjat id‑dritt tal‑ġenituri – dan ukoll dritt fundamentali – li l‑edukazzjoni u t‑tagħlim li jirċievu wliedhom ikun b’konformità mal‑konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom.
L‑etos tal‑iskejjel tal‑knisja
Il‑principji, il‑valuri u l‑etos tal‑iskola ma jiġux mgħoddija biss waqt il‑lezzjoni tar‑Reliġjon imma f’suġġetti varji inkluż il‑PSCD, l‑istorja, il‑letteratura, tagħlim ambjentali, ix‑xjenzi, il‑lingwi u suġġetti oħra kif ukoll waqt attivitajiet oħra fl‑iskola u barra minnha u dawk ko‑kurrikulari. L‑għażla tal‑edukaturi għandha tkun b’mod li l‑persuni huma idonei għat‑tkattir tal‑etos tal‑iskola waqt is-suġġetti u l-attivitajiet kollha, u mhux indifferenti jew saħansitra ostili għalih.
Id‑dritt għall‑oġġezzjoni tal‑kuxjenza
Il‑liġi dwar l‑ugwaljanza għandha tinkludi d‑dritt għall‑oġġezzjoni tal‑kuxjenza. Dan sabiex ikun assigurat li ħadd ma jiġi mġiegħel jagħmel jew ikun parti jew jippromwovi jew saħansitra jipparteċipa f’attivitajiet li jmorru kontra l‑kuxjenza, u l‑prinċipji u l‑valuri li tħaddan dik il‑persuna.
Għandu jiġi wkoll żgurat li ma jinħolqux strutturi paralleli għal dawk tal‑Qrati tal‑pajjiż li, bil‑għan dikjarat li jippromovu l‑ugwaljanza, ikunu fil‑prattika u indirettament qegħdin joħonqu drittijiet oħra u jagħmluha aktar diffiċli għall‑persuni li jissalvagwardjaw id‑drittijiet fundamentali tagħhom.
Il‑prinċipji spjegati hawn fuq jistgħu jsaħħu dan l‑abbozz ta’ liġi biex f’pajjiżna jkollna ugwaljanza u ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Huma prinċipji li jiċċelebraw id‑diversità u mhux l‑uniformità. L‑ugwaljanza vera tirrispetta lil kulħadd, tagħti spazju għad‑differenzi u tiċċelebrahom, mhux teliminahom.
✠ Charles Jude
Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
President tal‑Konferenza Episkopali
Maltija
✠ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta