L-Erbgħa 17 ta’ Novembru 2021, l-Arċisqof Charles Scicluna bierek proprjetà tal-Knisja f’Ħal Safi li nbidlet f’ċentru li se joffri servizz ta’ respite lejl u nhar lill-persuni bid-dimensja. Iċ-ċentru se jkun qed jipprovdi appoġġ lil madwar 60 persuna fil-ġimgħa.
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Onor. Ministru Michael Farrugia, Sindku Johan Mula, għażiż Kappillan Dun David Farrugia, nixtieq nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom. Kont qed nisma’ dawn ix-xhieda tal-impenn ċiviku. Illum impressjonani ħafna l-impenn ċiviku tax-xhieda li smajna u li qed niċċelebraw illejla. Imma rridu wkoll niċċelebraw il-ġid komuni li qed jiġi promoss b’din l-inizjattiva tal-Gvern billi jilqa’ u jikri proprjetà tal-Knisja u jagħtiha ħajja ġdida. Għax aħna, Onor. Ministru, ma tajknikx xi ħaġa ready-made, iżda l-Istat għamel investiment qawwi f’din il-proprjetà.
Ma nistgħux niċħdu l-apprezzament tal-komunità ta’ Ħal Safi għall-għeruq ta’ dan il-post, l-impenn mhux biss tal-mibki l-Kappillan Dun Karm Lia [li għalih ġie msemmi dan iċ-ċentru ta’ matul u lejl għall-persuni bid-dimensja] imma anke tan-nies ta’ Ħal Safi li ħolmu b’din il-proprjetà, tawha futur, u għal tant żmien kienet ta’ utilità għar-raħal, u llum, bl-għajnuna tal-Gvern ċentrali u tal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, għandha futur ta’ attwalità kbira.
Aħna għandna komunità li qiegħda tikber fil-maturità u fiż-żmien u l-fenomenu tad-dimensja mhux qed jonqos u dan huwa servizz li l-Gvern qed joffri fil-komunità f’Malta biex jagħti nifs ukoll lill-qraba ta’ min ikun milqut mid-dimensja. Naf li hemm servizz ieħor simili fil-komunità li qed jingħata f’Għawdex. Din hija xi ħaġa straordinarjament attwali u sabiħa u nixtieq nirringrazzja ħafna lil kull min ħadem biex dan il-proġett illum issir realtà.
Meta naħseb fil-proprjetajiet li għandha l-Knisja, uħud minnhom mitluqin iżjed minn oħrajn, ma narax mod aħjar kif dawn il-proprjetajiet nagħtuhom ħajja ġdida billi nikkoperaw mal-Istat għaliex aħna m’għandniex ir-riżorsi kollha meħtieġa biex inkunu nistgħu nġibuhom up to scratch u kif qal is-Sindku, up to standard. Nixtieq nirringrazza ħafna lill-Istat ta’ dan l-ispirtu qawwi ta’ koperazzjoni għaliex din il-proprjetà se tkun ta’ servizz għall-komunità. Dan huwa investiment li se jibqa’ għall-futur u m’hemmx awgurju aħjar milli lkoll kemm aħna naraw li l-proprjetà li l-komunità ħadmet għaliha tibqa’ tkun ta’ servizz.
Nirringrazzjakom ħafna u nirringrazzja lil kull min ħadem u stinka biex dan il-proġett isir realtà anke għaliex fil-ħajja m’hemm xejn faċli.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta