Matul il-ġimgħa bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ħadd ma jaf eżatt x’suppost għandu jagħmel. Hemm min jipprova jlaħħaq max-xiri tal-Milied filwaqt li jakkwista kemm jista’ mill-aqwa sales, oħrajn jiltaqgħu mad-diversi membri tal-familja waqt xi ikla ta’ nofsinhar jew filgħaxija, hemm min imur għal btala ta’ ftit jiem, l-istudenti jippruvaw ilaħħqu mal-istudju, waqt li l-ġenituri jistennew bil-ħerqa li uliedhom imorru lura l-iskola.

Hemm ħafna x’tagħmel waqt din il-ġimgħa, però fl-istess waqt, qisu m’hemm xejn. Min jaf kieku, minflok ma nitilfu dan iż-żmien, nużaw din il-ġimgħa biex naħsbu dwar dak li nixtiequ ntejbu dwarna nfusna matul is-sena d-dieħla? Filwaqt li ma tantx nemmen fir-riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena, inqis din il-ġimgħa wkoll bħala żmien tajjeb biex nibdew xi ħaġa ġdida, nagħmlu lista ta’ għanijiet li nixtiequ nwettqu, u nsibu ftit ħin biex nevalwaw ftit fejn morna tajjeb u fejn le.

Madanakollu, nemmen ukoll li m’għandniex għalfejn nistennew dan iż-żmien tas-sena biex nieqfu, nirriflettu u niktbu r-riżoluzzjonijiet. Jekk taħseb li dan mhux iż-żmien opportun, ma ġara xejn – m’għandekx għalfejn tkisser lilek innifsek biex tagħmel dawn ir-riżoluzzjonijiet. Il-bidla sseħħ meta nwettquha aħna. L-ewwel ta’ Jannar mhux se jiggarantixxi li se żżomm ma’ dak li tkun fassalt f’moħħok iktar mill-għaxra ta’ Jannar. Jekk l-ewwel jum tas-sena l-ġdida jagħtik spinta, uża dan iż-żmien għall-benefiċċju tiegħek, imma taqtax qalbek jekk ma jirnexxilekx.

Fir-realtà, x’inhu l-punt li nistabbilixxu għanijiet li diġà ċerti li m’aħniex se jirnexxielna nwettqu matul is-sena? Jekk taħseb li din tgħinek, għamilha, madanakollu ftakar li kull ħin u kull mument huwa żmien tajjeb biex tibda xi ħaġa ġdida jekk hi għall-glorja t’Alla. Jekk fi Frar taħseb f’mod aħjar biex tibda tħobb lill-oħrajn, jew trid tbiddel il-ħajja tat-talb tiegħek għall-aħjar f’Mejju, toqgħodx tistenna sal-bidu sas-sena biex tibda tagħmel dan. Jekk hija xi ħaġa tajba, m’hemmx għalfejn tistenna – aqbad u agħmilha!

Il-ħajja hija qasira wisq biex tistenna xi żmien partikolari fis-sena biex tibda tagħmel xi ħaġa tajba. Ladarba l-motivazzjoni qiegħda hemm, ikun għaqli li ma nħalluhiex għaddejja iżda minflok nieħdu l-okkażjoni u naħsbu ftit dwar ħajjitna, dwar dawk li nħobbu u kif nistgħu nħobbu lill-oħrajn aħjar. Nistgħu nużaw dan iż-żmien biex nirriflettu fuq dak li rridu mill-ħajja, fuq min aħna, u jekk dak li qed nagħmlu hux qed inissel il-paċi u l-ferħ fil-qalb tagħna.

Matul iż-żmien bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena nistedinkom tirriflettu ftit fuq dan il-ħsieb fit-talb u titolbu lil Alla jagħtikom kelma jew vers mill-Bibbja biex iżżommuh f’moħħkom għall-kumplament tas-sena ħalli jqawwikom fil-mumenti diffiċli u jimlikom bit-tama fit-taqlib tal-qalb li ħin jew ieħor żgur ilkoll nesperjenzaw.

Missier Qaddis, hekk kif nibdew din is-Sena l-Ġdida, nixtieq nirringrazzjak tal-esperjenzi, il-memorji u l-mumenti li għaddejt minnhom matul l-aħħar sena, li ressquni iktar lejk, kif ukoll tal-mumenti diffiċli li għamluni iktar b’saħħti, u għat-tama li ttini għall-futur. Noffrilek is-sena l-ġdida u nitolbok tbierek, tħares u tmexxi lili, kif ukoll lil kull persuna li se niltaqa’ magħha. Għallimni nsir nixbah aktar lilek.

“Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel. Imma dawk li jittamaw fil-Mulej, jieħdu saħħithom, jogħlew bil-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.”
Isaija 40:30-31

Miktub minn Sarah Zammit Munro