Il‑Knisja f’Malta u Għawdex ippubblikat Safeguarding Policy ġdida li tistabbilixxi standards ogħla għall‑entitajiet tal‑Knisja u li tpoġġi l‑wellbeing tal‑vittmi fiċ‑ċentru tax‑xogħol li jsir mis‑Safeguarding Commissions f’Malta u Għawdex.

Il‑policy il‑ġdida tistabbilixxi standards ta’ safeguarding li l‑entitajiet kollha tal‑Knisja huma mistennija jimxu magħhom. Permezz tal‑policy inħolqu strutturi li jindirizzaw l‑allegazzjonijiet li jsiru kemm fil‑konfront ta’ membri tal‑kleru kif ukoll fil‑konfront ta’ lajċi impjegati jew voluntiera. Il‑policy ġiet iffirmata mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, u l‑provinċjali tal‑Konferenza tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR).

Il‑miżuri ewlenin tal‑policy jinkludu t‑twaqqif ta’ strutturi li jiżguraw investigazzjonijiet preliminari u assessjar tar‑riskju imparzjali, proċeduri mtejba ta’ reklutaġġ, u kodiċi ġdid ta’ kondotta li jiddefinixxi kif il‑persuni involuti fil‑Knisja għandhom iġibu ruħhom kemm waqt li qed jaħdmu mal‑minuri u l‑adulti vulnerabbli kif ukoll waqt li qed jikkomunikaw magħhom online.

Din il‑policy il‑ġdida tieħu post dik li saret fl‑2015 meta twaqqfet is‑Safeguarding Commission.

Il‑Kap tas‑Safeguarding Mark Pellicano qal: “Il‑policy il‑ġdida — li hija riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal‑vittmi, esperti tas‑safeguarding, mexxejja tal‑entitajiet tal‑Knisja, u korpi regolatorji — ittenni l‑impenn bla heda tal‑Knisja li ssaħħaħ il‑miżuri ta’ prevenzjoni u l‑funzjoni investigattiva tagħha filwaqt li tħares lilll‑vittmi.

“Il‑policy tagħti dettalji dwar il‑ħidma preventiva li l‑Knisja għandha tiffoka fuqha, tistabbilixxi linji gwida għall‑mod kif jiġu magħżula n-nies li jaħdmu mal‑Knisja, u tiddeskrivi t‑taħriġ regolari fil‑qasam tas‑safeguarding li l‑ħaddiema kollha fil‑Knisja għandhom jingħataw biex jinħoloq ambjent aktar sigur, inklussiv u ta’ appoġġ għal kulħadd.

“Wessajna wkoll l‑għan tal‑policy, li qabel kienet tiffoka l‑aktar fuq abbuż sesswali, sabiex issa tinkludi wkoll każijiet oħra ta’ safeguarding fosthom abbużi emozzjonali, spiritwali, fiżiċi u online, b’enfasi partikolari fuq il‑ħarsien tal-minuri u l-adulti vulnerabbli.

“Ir‑responsabbiltà, il‑kontabbiltà, it‑trasparenza u l‑integrità jinsabu fil‑qalba tal‑policy il‑ġdida. It‑tħaddin ta’ dawn il‑valuri jikkonfermaw il‑mixja tal‑Knisja biex tkun aktar sigura. Il‑Knisja tesiġi l‑parteċipazzjoni u l‑impenn attiv ta’ kull membru sabiex il‑minuri u l‑adulti vulnerabbli jiġu mħarsa.”

Is‑Sur Pellicano qal li l‑prinċipji u l‑prattiċi ta’ safeguarding jibqgħu jevolvu kontinwament, u li l‑Knisja trid tibqa’ attenta u twieġeb għall‑bidliet li qed isiru f’dan il‑qasam.

“Il‑policy tenfasizza li l‑vjaġġ lejn Knisja aktar sigura huwa kontinwu, u beħsiebna nkomplu nirrevedu l‑policy waqt l‑implimentazzjoni tagħha u nagħmlu bidliet skont il‑ħtieġa.”


Dwar is‑Safeguarding Commission

Is‑Safeguarding Commission twaqqfet fi Frar 2015 mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, id‑Djoċesi ta’ Għawdex u l‑Konferenza tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi u ħadet post ir‑Response Team, imwaqqaf mill‑Knisja lokali fl‑1999 u li kien jiffoka fuq li jmexxi inkjesti preliminari dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali minn operaturi pastorali. Is‑Safeguarding Commission tippromwovi l‑prevenzjoni ta’ kull tip ta’ abbuż permezz ta’ aktar għarfien u azzjonijiet pożittivi, u għandha l‑għan li trawwem kultura fejn il‑minuri u l‑adulti vulnerabbli jkunu fiċ‑ċentru tal‑ħidma pastorali tal‑Knisja. Il‑Kummissjoni taħdem mill‑qrib mal‑awtoritajiet ċivili u l‑aġenziji statutorji, b’ mod partikolari l‑Korp tal‑Pulizija ta’ Malta u d‑Direttorat għall‑Ħarsien tat‑Tfal, biex tiżgura l‑benesseri tal‑minuri u l‑adulti vulnerabbli. Id‑Djoċesi ta’ Għawdex waqqfet is‑Safeguarding Commission tagħha fl‑2022.

Aktar ritratti