Id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Vatikan ħabbret li laħqet ftehim mal-pubblikatur Taljan Rizzoli dwar it-tielet u l-aħħar volum tal-ktieb tal-Papa Benedittu XVI dwar Ġesu. Din l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett mistennija tkun lesta fl-Italja sal-Milied.
Kien tħabbar li x-xahar li għadda l-Papa kien qed jaħdem fuq it-tielet volum, dwar l-infanzja ta’ Ġesu. L-ewwel volum ta’ ‘Ġesu ta’ Nażaret’ kien tlesta mill-Papa fl-2006. Dak il-volum kien iffoka fuq il-ministeru pubbliku ta’ Ġesu u kien beda jinbigħ b’saħħa madwar id-dinja kollha. It-tieni volum ta’ ‘Ġesu ta’ Nażaret’ dwar il-Passjoni u l-Qawmien mill-Mew, kien ħareġ għar-Randan tas-sena 2011.
Id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Vatikan tagħti l-mandat lil Rizzoli sabiex ibigħ id-drittijiet fuq Volum numru 3 madwar id-dinja kollha. Fl-Italja, il-ktieb se jkun ippubblikat bħala edizzjoni konġunta tad-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Vatikan flimkien ma’ Rizzoli.
L-edizzjoni oriġinali bil-Ġermaniż se tkun ippubblikata minn Herder, li kien ippubblika x-xogħlijiet ta’ Ratsinger fis-snin li għaddew. Sadattant, iktar xogħlijiet ta’ traduzzjonijiet għaddejjin f’ilsna oħra.