L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-Evanġelju hi meħuda minn Ħamis partikolari fil-ħajja ta’ Ġesù, l-aħħar wieħed li għex fostna jiekol u jixrob magħna qabel il-qawmien tiegħu mill-imwiet, il-jum għażiż li aħna nsejħulu Ħamis ix-Xirka, lejlet il-Ġimgħa l-Kbira. Dakinhar Ġesù għamel l-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli mbagħad fetaħ qalbu magħhom, beda jitkellem. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jagħtina diskors pjuttost twil li jgħid Ġesù f’dan il-mument tassew għażiż għalih.

U Ġesù jitkellem anke mal-Missier mhux biss mal-ħbieb tiegħu, mad-dixxipli tiegħu, u jitolbu xi ħaġa li ħafna drabi għadha ma seħħitx u jgħid: “M’iniex nitlob biss għal dawn” id-dixxipli li kienu hemm, “imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom” (Ġw 17:20). F’dan il-mument Ġesù qiegħed jitlob għalina. Kemm hi ħaġa sabiħa nifhmu li lejlet il-Ġimgħa l-Kbira, f’Ħamis ix-Xirka Ġesù ħaseb fija u fik. Lill-Missier jgħidlu: “M’iniex nitlob għal dawn biss” li qegħdin madwari, “imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom”.

U x’jitlob għalina? X’inhi t-talba ta’ Ġesù għalina? “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Hi talba qawwija. Ħafna drabi din it-talba donnu għadha ma seħħitx għax aħna ninku ’l xulxin, ngħajru ’l xulxin, ngħiru għal xulxin, niġġieldu. Aħna “ħaġa waħda”? Xi tfisser li tkun ħaġa waħda? Li nħobbu lil xulxin. U Ġesù tant hi għal qalbu l-għaqda ta’ bejnietna, li aħna nħobbu ’l xulxin, li jgħid: “Kif inti fija, Missier u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).

Ħafna drabi min ma jafx b’Ġesù, jara lilna u jgħid: ‘Dawn ta’ Ġesù? Qishom klieb u qtates! Dawn ta’ Ġesù l-ħin kollu jiġġieldu? Kif nista’ jiena nemmen f’Ġesù meta nara l-familja ta’ Ġesù? Ajma ħej!’ Ġesù jifhem li jekk aħna nħobbu ’l xulxin – mhux ħaġa faċli – min jiltaqa’ magħna, jifhem aħjar lil Ġesù. Għaliex in-nies kif se jiltaqgħu ma’ Ġesù llum? Billi jaraw lilna, kif nitkellmu, kif inġiebu ruħna, kemm inħobbu lil xulxin.

Illum għidtilkom li qed nagħmlu l-festa ta’ San Bernardinu ta’ Siena. San Bernardinu ta’ Siena kien predikatur kbir. Kien patri Franġiskan (Malta nsibuhom minn ta’ Ġieżu) u kien magħżul biex jipprietka. Kellu sens li ma jitkellimx b’ħafna kliem tqil biex jgħidu: ‘Kemm hu bravu dan, kemm jaf affarijiet, ma nistgħux nifhmuh!’ Le, kien jitkellem b’mod li jifhmuh in-nies għaliex trabba mhux biss minn zijietu fi Siena għax il-mamà u l-papà mietu meta kien għadu żgħir u rabbewh iz-zijiet, imma wkoll meta kien patri żagħżugħ bagħtuh fil-kampanja allura sar jaf ħafna l-bdiewa, kien japprezzahom, kien jagħtihom xi laqam ukoll, imma tgħallem ħafna kif jitkellem magħhom u jiftiehmu.

Xi tfisser li tkun ħaġa waħda? Li nħobbu lil xulxin.

Allura meta mbagħad bagħtuh jibda jipprietka, kienu jmorru ħafna nies jisimgħuh. Hu rrealizza li jrid jagħtihom xi ħaġa li tibqa’ tifkira ta’ Ġesù u vvinta dan is-sinjal, ħa nurihulkom. San Bernardinu ta’ Siena ddisinja dan is-sinjal: raġġiera qisha x-xemm kollha raġġi u mbagħad tliet ittri ‘I’, ‘H’ u ‘S’. Issa dawn bil-Grieg huma l-ewwel ittri tal-isem Ġesù – Ihsous. Imma bil-Latin jistgħu jkunu wkoll Jesus hominun salvatur: Ġesù s-salvatur tal-bnedmin. U fuq l-‘H’ San Bernardinu ddisinja s-salib. Hawnhekk hawn ukoll t-tliet imsiemer tal-passjoni.

U San Bernardinu meta kien imur jipprietka kien ipoġġi dan id-disinn fuq biċċa njama, ġeneralment kienet tkun impittra bil-blu imbagħad jagħmel id-deheb u l-ittri bl-iswed jew bid-deheb ukoll. Imbagħad wara l-quddiesa kien ipoġġiha fuq l-artal, lin-nies kien jgħidilhom: ‘Ejjew busu l-isem ta’ Ġesù’. Fil-belt tiegħu Siena, fuq il-Palazzo Komunale ta’ Siena, hemm dan is-sinjal kbir bid-deheb biex ifakkar kemm għallem in-nies iħobbu ’l Ġesù u l-isem tiegħu.

Aħna l-Maltin, ma nafx jekk tafux intom, kultant lil Ġesù ma nirrispettawhx ħafna, nidgħu pereżempu b’Ġesù, bil-Madonna, b’Alla! San Bernardinu għallimna nħobbu l-isem ta’ Ġesù mhux niddisprezzawh jew nidgħu bih.

Meta kien jipprietka kien ukoll jikkritika ħafna lil min jaħqar lill-proxxmu b’mod speċjali min issellef il-flus u jkun irid mhux id-doppju, imma ħafna iżjed. Il-kbar jifhmuni iżjed – dawk li jagħmlu l-użura. Kien ukoll qawwi ħafna kontriha.

Aħna dis-sena, peress li għadna milquta mill-pandemija u hu kien jaf x’jiġifieri tgħin lin-nies fil-pesta – epidemija oħra, mard jittieħed ieħor – nitolbuh ħafna biex bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù aħna l-ewwel nett neħilsu mill-mard u min jimrad jeħles ukoll b’wiċċ il-ġid.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 22, 30; 23, 6-11
Salm: 15 (16), 1-2a u 5.7-8.9-10.11
Evanġelju: Ġw 17, 20-26

Aktar ritratti >>