• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun

    6 ta’ Jannar 2018      

    “Wasal il-waqt li nqum u naqtagħha, jew inbaxxi rasi u nerġa’ lura minn dak li qed nagħmel għaliex xejn ma jistħoqqli, jew ngħożż bl-umiltà kollha u nħaddem ir-rebħa t-teżor li ħalla f’idejja u hekk inkun il-qaddej tas-sid umli tiegħi.” Dan il-kliem San Gejtanu kitbu lill-omm spiritwali tiegħu li kien isejħilha ommu, is-Soru Laura Mignani, soru Agostinjana fi Brescia, f’ittra tat-28 ta’ Jannar 1518.

    Kienet diġà bdiet is-serje ta’ esperjenzi mistiċi li qegħdin niċċelebraw f’dawn il-jiem. L-ewwel waħda fil-Milied, it-tieni waħda tmint ijiem wara, fiċ-ċirkonċiżjoni, dak li għalina huwa l-ewwel tas-sena, u t-tielet waħda bħal-lum, l-Epifanija tal-1518. It-tlieta li huma fl-eqdem knisja ddedikata lil Sidtna Marija fil-Punent, fil-Bażilika papali ta’ Santa Maria Maggiore. Din il-bażilika li maż-żmien bdiet tħaddan il-memorji ta’ Betlehem. U b’xi mod saret Betlehem ġewwa Ruma. Kien hemm il-fdalijiet tal-maxtura u fdalijiet oħrajn li kienu nġiebu minn Betlehem stess. Ruma, kif tafu, għandha wkoll il-memorja tal-passjoni: Santa Croce in Gerusalemme, hekk ukoll għandna l-memorji tat-twelid ta’ Ġesù fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.  

    San Gejtanu kien konxju tad-dgħufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu.

    Id-devozzjoni lejn il-Verb Inkarnat wasslet lil Gejtanu ta’ Thiene biex imur jitlob qrib il-maxtura ta’ Ġesù. Imma kien konxju tad-dgħjufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu. Quddiem l-imħabba li wrieh l-Imgħallem, dejjem kien iħossu mhux żelanti biżżejjed. “Għal ħafna snin,” jgħid, “ħallejt lill-imsejkna ruħ tiegħi tindarab f’ġerħat li fnew, kont imfissed u nagħti l-għala wisq lill-ġisem, lid-dinja u lill-għadu ta’ ruħi”.   

    Meta naqraw dawn il-kliem ta’ San Gejtanu, nifhmu li qisna qegħdin naqraw xi kumment li niktbu aħna fuqna nfusna. Meta aħna nersqu lejn il-qaddisin, nagħmlu kuraġġ kbir. L-ewwel kuraġġ li nagħmlu huwa li nifhmu li huma m’għandhom l-ebda problema jistqarru d-dgħjufija tagħhom. M’għandhom l-ebda kumpless żejjed biex jistqarru li huma midinbin u midinbin ta’ vera. Mhijiex umiltà falza din ta’ San Gejtanu, imma umiltà vera ta’ bniedem dgħajjef li għandu bżonn jagħmel għażla. “Wasal il-waqt li mmur u naqtagħha, nieħu deċiżjoni: jew inbaxxi rasi u nerġa’ lura minn dak li qed nagħmel għaliex xejn ma jistħoqqli”.   

    San Gejtanu jirrealizza li l-Mulej tah teżor fil-ġarra tal-fuħħar (2 Kor 4, 7) u jrid jieħu ħsiebu.

    Intom tafu li kien sar saċerdot fl-1516 wara li kien diġà stabilixxa ruħu fil-Vatikan waqt mumenti iebsa ħafna fl-istorja tal-Knisja. U allura kellu tentazzjoni kbira jerġa’ lura u jagħmel il-ħajja u jgħix il-ħajja ta’ sħabu, li għalkemm lebsin l-abiti ta’ isqfijiet, kardinali, qassisin u monsinjuri u hu stess kien protonotarju appostoliku – l-ogħla grad ta’ monsinjur qabel isqof – u jgawdi l-ħajja f’Ruma rinaxximentali, ir-Ruma tal-Borgia, Ruma ta’ Giulio II della Rovere u l-bqija, il-qaddisin il-kbar. Jew inkella jibda moviment ta’ riforma vera. Dik kienet l-għażla essenzjali u importanti. “Wasal il-waqt li nqum u naqtagħha: jew inbaxxi rasi u nerġa’ lura minn dak li qed nagħmel għax xejn ma jistħoqqli, jew ngħożż bl-umiltà kollha u nħaddem bir-reqqa it-teżor li ħalla f’idejja. U hekk inkun qaddej tas-sid umli tiegħi.”

    Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu aħna nafuha. Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu hija dik li ma jċedix quddiem id-dgħufija u d-dnubiet tiegħu. Hu jsemmi d-dnubiet tal-ġisem, id-dnubiet tad-dinja, il-fatt li jċedi għall-għadu. Imma jirrealizza li l-Mulej tah teżor fil-ġarra tal-fuħħar (2 Kor 4, 7) u jrid jieħu ħsiebu. X’kienet l-esperjenza li aħna qegħdin infakkru u li la hu li qasamha ma’ Suor Laura aħna nistgħu ukoll nibbenefikaw minnha? Kienet esperjenza li jara l-Familja Mqaddsa fi tliet mumenti tassew għeżież: it-twelid ta’ Ġesù, iċ-ċirkonċiżjoni tiegħu meta tawh l-isem ta’ Ġesù u Ġesù daħal bħala membru sħiħ tan-nisel ta’ Abraham biċ-ċirkonċiżjoni skont il-Liġi għax hu twieled minn mara imma twieled ukoll taħt il-Liġi, u fl-Epifanija meta l-maġi rrapreżentaw lilna li ġejjin mill-ġnus u mill-pagani, u ltaqgħu mal-Mulej Ġesù.     

    Jgħid ukoll li f’din l-esperjenza mistika għenu qaddis kbir li għamel ħafna ġid fil-Knisja, “biex jagħmilli l-qalb kien hemm il-missier tiegħi San Ġlormu”. Għaliex San Ġlormu? San Ġlormu kif tafu – qaddis tal-ewwel sekli li kien diġà kellu esperjenza f’Ruma tat-tielet u r-raba’ seklu u qabżuhielu u b’rabja kbira telaq minn Ruma ta’ żmien il-Papa Damasu u mar Betlehem – ta ħajtu jistudja l-Aramajk, l-Ebrajk, il-Grieg kien jafu sew, u jittraduċi l-Iskrittura għall-ilsien li kien jitkellem il-poplu, li kien jitkellem il-Vulgus, il-Latin. Tana traduzzjoni tal-Iskrittura li kellha effetti kbar fl-ispiritwalità, fit-Teoloġija, fit-tagħlim tal-Knisja. San Ġlormu ddeċieda li jmur Betlehem u li jindifen qrib l-għar tat-twelid ta’ Ġesù.    

    Kull min imur il-Palestina u jmur Betlehem jista’ iżur il-qabar ta’ San Ġlormu. Imma l-fdalijiet ta’ San Ġlormu kienu ttieħdu minn Betlehem għal Santa Maria Maggiore ftit wara l-qerda tal-postijiet sagri mill-Persjani. Betlehem biss baqgħet sħiħa. Fis-sena 604 il-postijiet imqaddsa ġew distrutti kollha, anke l-qabar ta’ Kristu kien distrutt. Imma l-bażilika li bena Kostantinu, propjament ommu Elena, baqgħet sħiħa għaliex il-Persjani, huma u jidħlu fil-bażilika raw skultura ta’ tliet maġi u billi t-tliet maġi kienu mlebbsin ta’ Persjani, qalu, ‘dawn jiġu minna; dan il-post żaruh missirijietna mela ma neqirduhx’. U hekk salvat il-Bażilika tan-Natività. San Ġlormu, dan il-qaddis li San Gejtanu jgħid li għamillu l-qalb, mhux biss indifen f’Betlehem tal-Lhudija imma wkoll kien midfun f’Santa Maria Maggiore 500 sena ilu fejn għad hemm ukoll ir-relikwi tiegħu sal-lum qrib il-grotta, qrib il-post tal-maxtura. 

    Fil-fatt, huwa San Gejtanu stess li jikkonferma dak li qed ngħidilkom. “Jiena għamilt il-ħin u waqt li l-Madonna kienet qed twelled lill-Qaddis tal-Qaddisin, sibt ruħi tassew fl-għar imqaddes innifsu. Biex jagħmilli l-qalb kien hemm il-missier tiegħi, San Ġlormu, kollu mħabba għall-presepju. Għadmu jinsab midfun fid-daħla ta’ dan il-presepju. Għall-kelma li qalli x-xwejjaħ San Ġużepp, jiena ħadt it-tfajjel ħelu minn idejn il-Verġni mistħija. Dak it-tfajjel li huwa l-Kelma ta’ dejjem magħmul bniedem,” il-Verbum Dei Caro Factum Est. Iebsa tassew kienet qalbu. “Emminni,” qed jgħid lil Suor Laura, “għaliex ladarba f’dak il-waqt ma nħallitx, riedet tkun iebsa daqs djamant. Ġara hekk ukoll waqt iċ-ċirkonċiżjoni, ukoll meta dehru s-slaten maġi. Tassew li fiha ma hemmx ħlief l-ebusija tal-ħadid. Intiena u fsied”.

    Din hija d-dijanjosi li San Gejtanu jagħmel tiegħu nnifsu wara l-esperjenza mistika li qegħdin niċċelebraw. Isemmi l-qalb iebsa, isemmi l-intiena, isemmi l-fsied. Imma aħna nafu li wara din l-esperjenza mistika, San Gejtanu beda – flimkien ma’ sħabu li saru t-Teatini – ir-riforma vera.

    E in questo momento vorrei non solo ricordare i figli spirituali di Gaetano ma anche dare il benvenuto a Lei, Preposito Generale dei Teatini, grazie per la sua presenza.           

    Illum, aħna u niċċelebraw il-500 anniversarju ta’ din l-esperjenza ta’ dan il-qaddis kbir, il-kliem tal-profeta Isaija: “Qum! Qum, ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” U l-esperjenza mistika ta’ San Gejtanu hija din il-profezija ta’ Isaija għalih, imma wkoll għal kull wieħed u waħda minna.“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej! Ara d-dlamijiet jiksu l-art u sħab iswed il-popli” (Is 60, 1-2). X’kienu dawn id-dlamijiet? X’kien dan is-sħab iswed? Kienet il-qagħda diżastruża tal-Kurja Rumana, tal-ġerarkija tal-Knisja Kattolika, li Gejtanu kien isejħilha “safja bħala omm u għarusa ta’ Kristu, imma fil-membri tiegħek naqra prostituta”. Dan kien is-sħab iswed, dawn kienu d-dlamijiet ta’ kleru bla dixxiplina. U Gejtanu kellu l-għażla li jew jirvilla jew jibda t-triq tal-umiltà.   

    Luteru kien diġà sammar id-destin tiegħu jew x’għamel, għax ħadd ma jaf eżattament x’għamel fl-1517, imma kien diġà beda moviment ta’ ribelljoni kontra l-Knisja ta’ Ruma. Gejtanu kien jaf li kien hemm bżonn riforma. Kien jaċċetta li kien hemm bżonn li l-affarijiet jitbiddlu, li aħna nerġgħu mmorru lejn l-oriġini, lejn l-Evanġelju, u kien jagħraf ukoll id-dgħjufija tal-Knisja fih innifsu, f’parti mill-ġerarkija, mill-apparat li  jdur mal-kap, il-Papa Giulio II, il-Papa ta’ żmienu li kien jirrispettah ħafna lil Gejtanu, tant hu hekk li fit-tmiem tal-ittra lil Suor Laura kien jgħidilha: ‘Jekk għandek bżonn xi ħaġa mingħand il-Papa, għidli, nirranġalek,’ għax id-dinja ma titbiddel qatt. U fl-istess ħin imma ma jagħżilx it-triq ta’ Luteru, jagħżel it-triq tal-ubbidjenza, tal-umiltà, tal-eżempju: jagħżel it-triq tax-xhieda.  

    Aħna nafu li wara din l-esperjenza kien imsejjaħ imur diversi postijiet: l-ewwel Venezja fejn ħa ħsieb il-morda li ma setgħux ifiequ, dawk li kellhom is-sifilide; żgħażagħ anke ta’ familji sinjuruni li għax kellhom marda tittieħed li kienet tisfigurahom kienu jitilquhom, ikeċċuhom mid-dar. U Gejtanu u sħabu b’dedikazzjoni kbira ġabarhom, l’ospedali degli incurabili.  

    Meta mar Napli, smajtuni ngħid ukoll fil-messaġġ tal-Milied li tajt lin-nazzjon, beda l-Banco di Napoli jew inkella l-Monte di Pietà, biex jagħti risposta għall-pjaga tal-użura. U ovvjament minħabba dawn l-esperjenzi li kellu, ma setax ma jkunx u jsir appostlu tal-presepju, appostlu ta’ xbieha konkreta ta’ Ġesù magħmul bniedem li Sidtna Marija toffrilna biex nilqgħuh f’ħajjitna.        

    Aħna msejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija.

    Ħadt pjaċir nara li fil-Katidral tagħna, fil-presepju li jarma Mons. Edgar Vella, mis-sena li għaddiet għandna l-figura ta’ San Gejtanu u għandna wkoll il-figura tal-Ħamruniż adottiv, San Ġorġ Preca. Ħadt pjaċir nara dan il-presepju li armajtu din is-sena – il-kappillan qalli li l-artist imsiefer imma selluli għalih u għidulu kemm hu bravu – mal-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin, hemm ukoll San Gejtanu u San Ġorġ Preca. Dawn huma l-qaddisin qrib tagħna, li kontinwament jindikawlna lil Ġesù bħalma San Gejtanu jgħid lil Marija li mistħija bil-modestja u l-umiltà tagħha tagħtu lil Ġesù Bambin f’idejh.

    Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija.

    X’inhu l-messaġġ għalina? Jekk San Gejtanu, konxju mid-dgħufija tiegħu, ikollu l-esperjenza tad-dija tal-wiċċ ħanin tal-Mulej jiddi fuqu, inti wkoll, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija. Tagħmlu ħaġa sabiħa li tħobbu lil San Gejtanu għax l-ikonografija kważi kollha ta’ San Gejtanu, tirriferixxi ruħha għal dawn l-esperjenzi mistiċi. Kważi biex tagħraf lil San Gejtanu trid tarah jirċievi lil Ġesù minn id il-Madonna. L-ikonografija Nisranija, sa mill-ewwel żminijiet, b’mod speċjali wara l-kanonizzazzjoni tiegħu, għażlet dan l-avveniment biex tfisser dak kollu li hu San Gejtanu.  Imma għalina, illum, xi jfisser? 500 mitt sena wara xi jfisser? Ifisser li aħna msejħin biex nilqgħu lil Ġesù.

    Jekk tinnutaw fil-presepju li għamel l-artist bravu Ħamruniż, hemm ukoll ix-xalatur. Ix-xalatur mhux qed iħares lejn Ġesù, anzi qed jagħtih dahru u l-kumplament. U ħafna drabi hekk nagħmlu aħna wkoll: lil Ġesù nagħtuh daharna u l-kumplament. Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija. Bħalma kien jgħid San Ġwann tas-Salib: “Jekk inti tilqa’ lil Marija, hi tiġi għandek, toqgħod għandek u ġġib magħha lill-Verb Inkarnat, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem.”

    Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-Madonna hi u tagħtina lil Ġesù, u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Gejtanu biex dak li għadda minnu u li kkonvertieh, “inqum, u għalkemm ma jistħoqqlix, jiena nkun qaddej tas-sid umli tiegħek”, aħna wkoll inkunu qaddejja tas-sid umli tagħna għax nafu li afdalna teżor kbir, nafu li l-“ġarar tagħna tal-fuħħar”, imma għalina biżżejjed il-grazzja tiegħu.

    Viva San Gejtanu!

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta